Lokali

Dak kollu li trid tkun taf bejn ir-rabta ta’ Kastilja mal-familja Aliyev tal-Ażerbajġan

Ir-rabta mal-Ażerbajġan bdiet kmieni meta tela’ Joseph Muscat b’kuntratt kbir ta’ 67 miljun ewro biex jixtri prodotti taż-żejt minn dak il-pajjiż.

F’Diċembru 2014, il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel żjara fl-Ażerbajġan mal-Ministru Konrad Mizzi, ma’ Keith Schembri u mal-Kelliem tiegħu Kurt Farrugia.

Is-suspetti tqanqlu mill-ewwel mill-Prim Ministru stess li pprova jżomm dik iż-żjara sigrieta. Malta saret taf b’dik iż-żjara għax kixfitha s-Sunday Times.

Fiż-żjara tiegħu fl-Ażerbajġan, Joseph Muscat ma ħax miegħu uffiċjali mill-EneMalta, mill-kumitat għax-xiri tal-prodotti taż-żejt, jew mill-Ministeru tal-Finanzi, kif isisr is-soltu fi żjarat bħal dawn.

Imbagħad, il-Ministru f’Kastilja Konrad Mizzi ta ordni lill-EneMalta biex tixtri ż-żejt mill-Ażerbajġan.

F’investigazzjoni li kienet saret mill-Awditur Ġenerali, kien ħareġ li mill-kuntratt ta’ 67 miljun dollaru, Malta ‘tilfet’ 14-il miljun dollaru.

L-inkjesta tal-Awditur Ġenerali kienet qalet li l-EneMalta xtrat iż-żejt, il-petrol u d-diesel bil-għoli mill-Ażerbajġan wara li l-Ministru Konrad Mizzi qalilha biex tixtrihom mill-kumpanija taż-żejt tal-Ażerbajġan – is-SOCAR – flok minn fejn kien jaqbel lill-EneMalta.

Il-kumpanija SOCAR u l-Ażerbajġan huma magħrufin mad-dinja fost il-kumpaniji u l-pajjiżi l-aktar korrotti.

Transparency International tiddeskrivi lid-dittatorjat tal-Ażerbajġan bħala wieħed b’korruzzjoni gravi fil-livelli kollha tas-soċjetà, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ taż-żejt.