Sport Sport Ieħor

Elezzjoni Kumitat Olimpiku Malta

Mistenni tibdil sostanzjali fi ħdan il-Kumitat Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malta meta illum l-Erbgħa 19 ta’ April issir il-Laqgħa Ġenerali li matulha għandha ssir l-Elezzjoni għall-erba’ snin li ġejjin u għas-sentejn li ġejjin.
Filwaqt li Julian Pace Bonello mhux ser ikun ikkontestat ghal President, għal kariga ta’ viċi President l-uniku kandidat huwa William Beck li b’hekk ser jiehu post Mark Cutajar.
David Azzopardi wkoll mhux ikkontestat fil-kariga ta’ Direttur tal-Finanzi liema kariga ilu jħaddan għal diversi snin . Jirritorna bħala Direttur tal-Isport Ivan Balzan li okkuppa dinil-kariga erba’ snin ilu iżda kien irriżenja ftit xhur wara l-ħatra. Huwa ser jieħu post Mario Micallef li kien direttur għal dawn l-aħħar erba’ snin.
Għall-ewwel darba wara bosta snin ser ikun ikkontestat is-Segretarju Ġenerali Joe Cassar. Infatti sat-22 ta’ Marzu meta għalqu n-nominazzjonijiet ġiet ippreżentata n-nomina ta’ Marie Therese Cuschieri għal kariga ta’ Segretarju Ġenerali.
Għal kariga ta’ tmien diretturi li t-terminu tagħhom huwa għal sentejn mill-aħħar amministrazzjoni mhux ser jikkontestaw Charles Camenzuli, Dion Buhagiar u Sue Mercieca.
B’kollox tmien kandidati għal tmien positijiet vakanti u għaldaqstant m’hemmx lok għal elezzjoni.
Żammew posthom b’hekk Dr.Lucienne Attard, Dr.Kirill Micallef Stafrace, Paul Sultana , Jonathan Vella u l-eks Direttur tal-isport Mario Micallef filwaqt li għall-ewwel darba fil-Kumitat Eżekuttiv l-eks atleta Charlene Attard, Maria Vella Galea, u Marie Therese Cuschieri fejn f’każ li ma tkunx eletta Segretarju Ġenerali allura tkun Direttur għal sentejn.