Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jieħu l-każ tal-Kummissjoni Elettorali quddiem il-Qorti Kostituzzjonali

Wara d-dikjarazzjonijiet ċari ta’ esperti legali u ta’ membri fil-Kummissjoni Elettorali li l-investigazzjoni mill-istess Kummissjoni Elettorali tikser id-drittijiet fundamentali u l-Kostituzzjoni, il-Partit Nazzjonalista talab lill-Qorti biex tiddetermina il-ksur tal-Kostituzzjoni.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li qiegħed jagħmel dan ukoll b’mod partikolari fid-dawl ta’ deċiżjoni riċenti tal-Qorti Kostituzzjonali nnifisha li għandha effett dirett ukoll fuq il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, fejn il-Qorti għamlitha ċara li Qorti biss għandha d-dritt tgħaddi ġudizzju biex tiġi assigurata l-imparzjalità fid-deċiżjoni.

Għall-Partit Nazzjonalista, mhux aċċettabbli li l-Kummissjoni Elettorali tinvestiga u tiġġudika l-każ fl-istess ħin, aktar u aktar meta l-maġġoranza tal-membri tal-Kummissjoni hija nnominata minn Joseph Muscat u tivvota kif jaqbel għal Joseph Muscat. Dan ifisser li l-proċess tal-Kummissjoni Elettorali huwa vvizzjat għax il-konklużjoni hija ċara qabel ma saħansitra beda.

Il-Partit Nazzjonalista qal li kien diġà wissa, waqt id-dibattitu parlamentari dwar il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, li l-Kummissjoni Elettorali ma tista’ qatt tkun hi li tiġġudika każijiet dwar din il-liġi għax mhix entità imparzjali skont il-liġi. Iżda l-Gvern baqa’ għaddej u għamel liġi li l-fatti qegħdin juru n-nuqqasijiet serji li għandha.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsisti li investigazzjoni għandha tkun serja u imparzjali. Għalhekk talab lill-Qorti biex tiddetermina jekk l-investigazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali hix qed tikser id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jibqa’, kif dejjem kien, miftuħ għal kull proċess investigativ ġust, legali u imparzjali.