Juventus u Monaco għaddew għas-semifinali taċ-Champions League b’riżultati pożittivi anke fit-tieni leg tal-kwarti tal-finali kontra l-avversarji rispettivi tagħhom.
Wara li ġimgħa ilu rebħu 3-0 f’Turin, Juventus ilbieraħ ġew draw 0-0 kontra Barcelona fil-Camp Nou. Għal Juventus il-fatt li eliminaw lit-tim Katalan kien sodisfazzjon doppju hekk kif kisbu tpattija sportiva għal dak li kien seħħ fl-2015 meta dakinhar tilfu l-finali ta’ din il-kompetizzjoni kontra l-istess Barcelona.
Fil-logħba fi Spanja ċ-champions Taljani mhux biss iddefendew tajjeb kontra Barcelona imma anke kellhom ċansijiet fejn jiskurjaw.
L-attakkant Higuain kellu żewġ okkażjonijiet tajbin u l-ewwel ċans ta’ Barcelona wasal wara nofs siegħa meta Buffon salva xutt devjat ta’ Messi.
Mal-bidu tat-tieni taqsima reġgħu kienu Juventus li kellhom ċans permezz ta’ Cuadrado li kellu xutt angulat li ftit barra. Kien minn hawn ‘il quddiem fejn Barcelona ddominaw u kellhom diversi ċansijiet fosthom ta’ Messi, Neymar u Sergi Roberto. Madankollu, minkejja l-pressjoni ta’ Barcelona, t-tim Taljan baqa’ jiddefendi tajjeb sal-aħħar.
Fil-logħba l-oħra Monaco għelbu lil Borussia Dortmund bi skor ta’ 3-1 biex għaddew b’aggregate ta’ 6-3. Fi Franza, Monaco kellhom bżonn biss tliet minuti biex fetħu l-iskor u kien is-solitu MBAPPE li sab ix-xibka b’xutt fil-baxx. Grazzi għal dan il-gowl Mbappe sar l-iżgħar plejer li laħaq iċ-ċifra ta’ ħames gowls fil-kompetizzjoni u sar anke l-ewwel plejer li skurja fl-ewwel erba’ partiti ta’ knockout fid-debutt tiegħu fil-kompetizzjoni.
Monaco komplew jippressaw u fis-17-il minuta dawn irduppjaw l-iskor b’gowl ta’ FALCAO li għeleb lill-gowlkiper b’daqqa ta’ ras.
Hekk kif bdiet it-tieni taqsima Dortmund naqqsu d-distakk b’gowl ta’ REUS li skurja minn ġewwa l-kaxxa wara li rċieva mingħand Dembele.
GERMAIN issiġilla l-konfront favur Monaco b’gowl disa’ minuti mit-tmiem.
Juventus u Monaco issa jingħaqdu ma’ Real Madrid u Atletico Madrid fis-semifinali u t-tlugħ tal-poloz ta’ din il-fażi jsir il-Ġimgħa.
//= $special ?>