Sport Sport Ieħor

Ma jfissirx li għax se nieqaf se nagħlaq il-bieb għal xi għajnuna li nista’ nagħti – Mark Borg

Mark Borg kien ilu President tal-FMA minn Ġunju tal-2014

Wara li fl-aħħar ġimgħat ħarġet l-aħbar li l-Perit Mark Borg mhux se jibqa’ fit-tmexxija tal-Futsal Malta Association, netnews.com.mt tkellem ma’ Mark Borg fl-aħħar ġurnata fit-tmexxija tal-assoċjazzjoni, li hu kien wieħed mill-fundaturi tagħha aktar minn ħames snin ilu.

Borg qal li jemmen li bħala sena kienet l-aktar waħda kwieta fl-aħħar ħames snin, iżda tenna li l-logħba kibret ħafna, l-investiment kiber u l-aspetattivi kisbu wkoll. “Ix-xogħol żdied u naħseb wasal iż-żmien li jkun hemm organizzazzjoni tal-anqas b’nies part-time jew full-time, għaliex il-volontarjat f’dawn iż-żminijiet dejjem qed jonqos.”

Dwar il-persuni ġodda li se jieħdu post Mark Borg, wara li ngħalqu n-nomini kien hemm nomina għal President u ieħor ta’ Segretarju. Iżda dawn il-persuni li b’rispett lejn il-proċedura mhux se jkunu msemmija, ma jistgħux jidħlu fil-kariga issa minħabba proċeduri ta’ statut. Borg tkellem ukoll dwar dan:

“Aħna niddependu fuq assesjar li jsir mill-MFA dwar min ikun dieħel f’dawn il-karigi eżekuttivi. Hemm proċedura fl-istatut tal-FMA li meta jgħaddu disa’ xhur, ma jkunux jistgħu jiġu eletti membri ġodda fl-eżekuttiv, u għalhekk dawk li tefgħu n-nomina, iridu jkunu eletti fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li mistennija ssir f’Ġunju.”

Bħalissa bħala l-persuna eżekuttiva li hemm hi t-Teżorier Mireille Vella u hemm xi membri oħra, li iżda mhux eżekuttivi. “Jien ikun min ikun fit-tmexxija, se naħdem mal-persuni responsabbli. Ma jfissirx li għax se nieqaf se nagħlaq il-bieb għal xi għajnuna li nista’ nagħti. Meta jkun elett President ġdid, nitkellem miegħu biex nara jekk għandux il-pjaċir li nibqa’ ngħin fl-iżvilupp tas-settur taż-żgħażagħ.

Mistoqsi dwar x’se jiġri minn issa sa tmiem l-istaġun, Borg qal li fiż-żmien sakemm issir il-Laqgħa Ġenerali Annwali, se jitolbu lill-MFA biex jinħoloq speċi ta’ sotto-kumitat li jara kif jimxu l-affarijiet sal-aħħar tal-istaġun.

Mark Borg tkellem ukoll dwar l-aspett finanzjarju fejn qal li l-futsal tant kiber li jikkunsidra li l-ewwel erba’ timijiet jinsabu fir-reġjun li jonqfu flus bejn l-ewwel diviżjoni u l-kampjonat Premier tal-MFA bħala finanzi li hemm involuti.