Basketball Sport

Mistennija finali missielta bejn Gżira Athleta u Luxol għar-rebħ tal-kampjonat MAPFRE MSV Life tan-nisa

Mix-xellug: Amelia Simmons ta' Gżira Athleta, Dr. Clarence Busuttil President ta' Gżira Athleta, Michael Galea mill-MAPFRE MSV Life, Paul Sultana President tal-MBA, Santino Coppa kowċ ta' Luxol u Mandy Mercieca captain ta' Luxol

Għada fil-Padiljun ta’ Ta’ Qali se tintlagħab l-ewwel finali minn possibbiltà ta’ ħamsa biex jiġi determinat ir-rebbieħ tal-kampjonat MAPFRE MSV Life tan-nisa. Gżira Athleta għaddew għall-finali wara li għelbu 3-0 lil Depiro fis-semifinali filwaqt li Luxol għelbu lil Starlties  3-1.

Il-President tal-Malta Basketball Association Paul Sultana wera l-apprezzament tiegħu lejn l-isponsors tal-appoġġ tagħhom. Sultana qal li l-kampjonat ta’ din is-sena kien wieħed bilanċjat u sostna li l-barranin li kien hemm fil-kampjonat swew għal basketball lokali. Hu tenna li minħabba l-bilanċ, ma jafux fejn se tmur il-finali.

Il-kap Eżekuttiv tal-iżvilupp fin-negozju ta’ MAPFRE MSV Life Michael Galea li din hi t-tieni sena li huma assoċjati ma’ dan il-kampjonat. Hu qal li bħala kumpanija jagħtu s-sapport ukoll fl-iżvilupp tas-soċjetà.

Il-President ta’ Gżira Dr. Clarence Busuttil qal li dan l-istaġun kien missielet u l-fatt li ż-żewġ timijiet rebħu żewġ unuri kull wieħed, hu xhieda ta’ dan. Busuttil qal li l-logħob kien bilanċjat u imma jemmnu li għandhom potenzjal filwaqt li se jirrispettaw lill-avversarji.

Il-kowċ ta’ Luxol Santino Coppa qal li jinsab kuntent li rritorna Malta biex jgħin lil Luxol. Coppa sostna li għalih hi esperjenza ġdida fejn talab lit-tim nazzjonali tat-Tajlandja biex jirritorna fil-pajjiż aktar tard biex jgħin lil Luxol. Hu wera l-ammirazzjoni tiegħu lejn il-grupp ta’ plejers tiegħu għaliex jirnexxielhom isibu bilanċ bejn ix-xogħol, studju u l-isport. Il-kowċ Taljan qal li probabilment l-Amerikana Attirah Munir se titlef dawn il-logħbiet minħabba li weġġgħet fl-aħħar logħba.
Waqt il-konferenza stampa tkellmu wkoll Amelia Simmons ta’ Gżira Athleta u Mandy Mercieca ta’ Luxol. Simmons li tinsab fit-tieni esperjenza f’pajjiżna, qalet li din id-darba l-isfida hi aktar kompetittiva u qalet li l-livell tjieb, imma temmen li għandhom vantaġġ fuq l-avversarji. Il-captain ta’ Luxol Mercieca rringrazzjat lill-kowċ Coppa li ġie f’nofs staġun biex jgħin lit-tim hu qalet li l-akbar arma tagħhom hi li t-tim ilu li ngħaqad, imma temmen li l-logħbiet se jkunu bilanċjati.
Il-logħbiet biex jiġi deċiż ir-rebbieħ tal-kampjonat huma:
1 Logħba – Għada                                   7.30pm
2 Logħba – Il-Ħadd 23 ta’ April           2.45pm
3 Logħba – Il-Ħamis 27 ta’ April         7.30pm
4 Logħba – Is-Sibt 29 ta’ April             2.45pm
5 Logħba – It-Tnejn 1 ta’ Mejju           2.45pm