Futbol Sport

Real Madrid iwaqqfu rekord taċ-Champions League

Ronaldo

Bir-rebħa li kisbu nhar it-Tlieta filgħaxija kontra Bayern Munich, Real Madrid waqqfu rekord fil-kompetizzjoni taċ-Champions League.

It-Tlieta Real għelbu lil Bayern bi skor ta’ 4-2 fit-tieni leg tal-kwarti tal-finali biex għaddew b’aggregate ta’ 6-3. Grazzi għal dan Real issa ilhom għal dawn l-aħħar seba’ snin konsekuttivi jaslu sas-semifinali taċ-Champions League. L-ebda tim ieħor ma rnexxielu jagħmel dan.

Bejn l-2008 u l-2013 Barcelona kienu għamluha mal-aħħar erbgħa għal sitt snin sħaħ filwaqt li bejn l-2012 u l-2016 Bayern għaddew għas-semifinali għal ħames snin konsekuttivi.

Barra minn hekk, il-Portugiż ta’ Real Madrid, Cristiano Ronaldo skurja hat-trick it-Tlieta filgħaxija biex għaqqad il-mitt gowl fiċ-Champions League.

Real Madrid issa se jkunu jafu ma’ min imisshom jilagħbu meta għada jittellgħu l-poloz tas-semifinali.

Neuer tmien ġimgħat barra
Il-gowlkiper ta’ Bayern Munich Manuel Neuer se jkollu jdum madwar tmien ġimgħat barra wara li kiser siequ fit-telfa kontra Real.

Riżultat ta’ dan Neuer se jitlef il-ħames partiti li fadlilhom Bayern fil-kampjonat u anke s-semifinali tat-tazza domestika kontra Borussia Dortmund. Sven Ulreich mistenni jieħu post Neuer.