L-ewwel mara li kienet ħadet sehem fil-maratona ta’ Boston, l-atleta Kathrine Switzer irritornat tikkompeti fl-istess maratona li saret nhar it-Tnejn li għadda. Dan kien ritorn mill-aktar emozzjonanti.
Fl-1967 hi kienet ħolqot sensazzjoni meta kisret kull regolament u marret tieħu sehem tant li ftit kilometri mit-tmiem uffiċjali tal-maratona kienu anke ppruvaw jimbuttawa barra mill-korsa.
Ir-ritratt tagħha bin numru 261 baqa’ wieħed storiku meta dakinhar għamlet ir-rotta f’erba’ siegħat u 20 minuta.
Fil-maratona ta’ din is-sena fl-eta ta’ 70 sena għamlet it-42 kilometru f’ erba’ siegħat, 44 minurta u 31 sekonda.
Wara l-inċident ta’ Switzer fl-1967, in-nisa thallew jikkompetu fl-1972 u fl-1984 fl-Olimpijadi ta’ Los Angeles il-maratona tan-nisa saret taghmel parti mill-programm Olimpiku.
Kathrine Switzer mill-1967 ħadet sehet fi 30 maratona u fl-1974 rebħet dik ta’ New York fi tliet siegħat, seba’ minuti u 29 sekonda.
F’kummenti li tat wara li kkompetiet matul din il-ġimgħa Switzer spjegat li dak iż-żmien il-maratona kienet titqies biss bħala tellieqa tal-irġiel għax ħafna kienu jaħsbu li n-nisa kienu wisq fraġli biex jikkompetu fil-maratona.
Meta hi ħadet sehem mingħajr permess kellu jkun l-għarus tagħħha li mbutta lil dak l-uffiċjal li pprova jwaqqaf lil Switzer milli tlesti r-rotta.
Intant, il-maratona tan-nisa ntrebeħet mill-Kenjana Edna Kiplagat.
Hi kisbet dan is-suċċess proprju fl-ewwel dehra tagħha f’din il-kompetizzjoni u għamlet dan f’ħin ta’ sagħtejn, 21 minuta u 53 sekonda.
Fit-tieni post daħlet Rose Chelimo tal-Bahrain filwaqt li fit-tielet post spiċċat l-Amerikana Jordan Hasay.