Lokali Qorti

Ryan Magro se jitla’ l-Ingilterra għal intervent mediku wara li d-daqqa ta’ tazza f’għajnu

Is-Serb (xellug) li allegatament kisser tazza tal-ħġieġ f'wiċċ Ryan Magro (lemin)
Waqt ix-xhieda Magro qal li għalkemm diġà saritlu operazzjoni f’Malta, hemm bżonn li jitla’ l-Ingilterra sabiex jieħu aktar kura.

Ryan Magro, iż-żagħżugħ li qala daqqa ta’ tazza f’għajnu minn Serb waqt li kien xogħol f’bar, se jkollu jitla’ l-Ingilterra sabiex jagħmel intervent mediku f’għajnu x-xellugija.

Dalgħodu, Ryan Magro xehed fil-kumpilazzjoni kontra s-Serb Srdan Simic. Magro qal li kien xogħol bejn il-lejl tas-Sibt l-1 u l-Ħadd 2 ta’ April. Irrakonta li waqt li kien xogħol marru fuqu tliet persuni u qalulu li kien hemm xi persuna li kienet qed iddejaqhom. Wara dan, il-missier tar-rispett ta’ Magro talab lil din il-persuna, li aktar tard irriżulta li kien l-istess Serb, joħroġ mill-bar u li qallu li jista’ jerġa jidħol l-għada. Madanakollu wara li ġara hekk, Magro qal li s-Serb beda jgħajjar lil min ħarġu  u waqt li kien għaddej Magro qala daqqa ta’ tazza f’għajnu x-xellugija. Magro ttieħed l-isptar fejn hemmhekk instabet biċċa ħġieġa fir-retina ta’ għajnu.

Waqt ix-xhieda Magro kompla jgħid li għalkemm diġà saritlu operazzjoni f’Malta, hemm bżonn li jitla’ l-Ingilterra sabiex jieħu aktar kura.

Apparti minn hekk, xhed ukoll David Busuttil, il-missier tar-rispett ta’ Magro. Hu qal li malli mar ikellem lis-Serb u staqsih x’kien ġara beda jgħajjru ‘stupidu’ u kien dak il-ħin li talab lis-Serb sabiex joħroġ ‘il barra. Meta mbagħad induna li l-akkużat ta daqqa ta’ tazza lil Magro, Busuttil ħareġ jiġri wara l-akkużat iżda ma laħqux.

Quddiem il-Qorti xhed ukoll Olaf Cassar li dakinhar kien fil-post fejn sar l-inċident. Hu xhed li ra lill-akkużat jagħti d-daqqa ta’ tazza lil Magro.

Il-kumpilazzjoni kienet qed tinstema mill-Maġistrat Joe Mifsud li wara li sema’ lix-xhieda qal li kien hemm biżżejjed provi sabiex s-Serb jitqiegħed taħt akkuża. Minkejja li saret talba mill-ħelsien mill-arrest, din it-talba ġiet irrifjutata.

Il-każ se jkompli fil-ġimgħat li ġejjin u mistennija jixhdu xi tobba wkoll.