Rugby Sport

It-tim nazzjonali tar-Rugby jipprepara għal partita kontra l-Iżrael

Il-preparazzjoni tat-tim nazzjonali Malti tar-Rugby għal partita mir-Rugby Europe Conference 1 South kontra l-Iżrael miexja ġmielha. F’konferenza stampa, ingħataw id-dettalji mill-President tal-MRFU Steve Busuttil, il-Viċi President Joe Borda, il-kowċ Damian Neill u t-Team Manager Joss Howland.

Din hi t-tielet darba li t-tim nazzjonali Malti se jkun qed jilgħab kontra l-Iżrael. Fiż-żewġ konfronti preċedenti li ntlagħbu f’April f’Malta u f’Novembru li għadda barra minn Malta, it-tim ta’ Damian Neill rebaħ fiż-żewġ konfronti.

Fattur interessanti se jkun li jekk ikun magħżul biex jilgħab fi tmiem il-ġimgħa u fil-logħba tal-ġimgħa d-dieħla, Dominic Busuttil se jsir l-ewwel plejer li jilgħab mat-tim nazzjonali Malti għal 50 darba.

Il-logħba tas-Sibt li ġej tintlagħab fis-2.00pm ta’ wara nofsinhar fil-Hibernians Stadium, bil-bibien jinfetħu fin-12.30pm. Il-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit www.ticketline.com.mt sal-Ġimgħa filgħaxija. Il-biljetti se jinbiegħu wkoll is-Sibt mill-bieb. Fid-29 ta’ April, it-tim Malti se jkun impenjat ukoll kontra l-Kroazja, f’logħba li tintlagħab barra mill-pajjiż.

Tags