Futbol Sport

Chelsea u Tottenham jiddominaw it-tim tas-sena

Tottenham u Chelsea għandhom ħafna plejers li spikkaw matul l-istaġun

Diversi plejers ta’ Chelsea u Tottenham intgħażlu biex jiffurmaw parti mill-aqwa tim tas-sena tal-Premiership Ingliż. Minn dawn iż-żewġ klabbs ta’ Londra ġew magħżula Eden Hazard, N’Golo Kante, Harry Kane, Danny Rose, Gary Cahill, David Luiz, Kyle Walker u Dele Alli.

It-tliet plejers l-oħra, li m’humiex ta’ dawn iż-żewġ timijiet u li għamluha f’dan it-tim huma l-gowlkiper ta’ Man Utd David DeGea, l-winger ta’ Liverpool Sadio Mane u Romelu Lukaku ta’ Everton. Dan tal-aħħar bħalissa hu l-aqwa skorer fil-kampjonat Ingliż b’24 gowl.

Ta’ min jinnota, li minkejja li kellu debutt mill-aqwa fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Man Utd, Zlatan Ibrahimovic tħalla barra mit-tim. Plejer ieħor li tħalla barra u li wkoll kellu staġun ferm pożittiv kien dak ta’ Arsenal Alexis Sanchez.

Nhar il-Ħadd li ġej issir iċ-ċerimonja uffiċjali li waqtha jiġu ppremjati dawn il-plejers. Waqt l-istess ċerimonja jkun magħżul l-aqwa plejer tas-sena u l-aqwa plejer żagħżugħ tas-sena.

Intant, l-ekscaptain ta’ Liverpool Steven Gerrard se jerġa’ jilgħab mat-tim li tant dam snin jilgħab miegħu. Hu se jilbes il-flokk ta’ Liverpool fi tmiem dan l-istaġun waqt logħba ta’ ħbiberija fl-Awstralja kontra Sydney FC.

Waqt il-partita, li se tintlagħab fl-24 ta’ Mejju, se jkun hemm anke eksplejers oħra ta’ Liverpool fosthom Jamie Carragher, Daniel Agger u Steve McManaman li se jieħdu sehem f’din il-logħba.

Ta’ min jinnota li din se tkun it-tieni darba li Gerrard se jkun qed jilgħab ma’ Liverpool sa minn meta rtira mill-futbol. Hu lagħab xahar ilu waqt logħba tal-karità kontra Real Madrid.