Għawdex Lokali Qorti

FILMAT: Chris Packham jippubblika l-filmat tan-nassaba u l-Pulizija jgħajtu miegħu u l-crew

Chris Packham quddiem l-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat

Il-ġurnalist u ambjentalist Chris Packham ġie liberat minn kull akkuża, inkluż dik ta’ aggressjoni fil-konfront ta’ żewġ nassaba f’inċident li seħħ nhar it-Tlieta f’Għawdex.

Fis-sentenza tiegħu, quddiem awla ppakkjata minn attivisti ta’ BirdLife u l-FKNK, il-Maġistrat Joe Mifsud iddikjara li l-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Edel Camilleri, naqset milli tipprova l-każ.

Iddikjara wkoll li “l-ġurnalisti huma importanti f’demokrazija. Il-ġurnalisti jridu jiġu protetti.” Dan wara li l-akkużati pprovdew tliet filmati li fi kliemhom urewhom jiġu aggrediti minn żewġ nassaba, u mhux viċi versa. Il-filmat ġie ppubblikat ftit wara.

Chris Packham u x-xhieda l-oħra, crew ffurmat minn ġurnalist u tfajla li ġibdu l-filmati, saħansitra akkużaw lill-uffiċjali tal-Pulizija li mbuttawhom lura sal-karozza tagħhom malli waslu fuq il-post.

L-avukat Stephen Tonna Lowell, li deher għall-imputat, iddeskriva dan il-każ bħala ‘figuraccia’ hekk kif qal li l-filmati jippruvaw dak li l-akkużat qed jisħaq.

Meta kien qed jindirizza lill-Qorti, Packham spjega li flimkien ma’ ġurnalist u fotografu, marru darbtejn fil-post fejn kien hemm in-nassaba. Spjega li mat-tieni darba, f’guva fejn qabel kien hemm it-tajr ma sabu xejn, iżda sabu żewġ persuni, missier u ibnu, li bdew jgħajtu magħhom. Qal li l-missier beda jimbuttah minn sidru lejn it-triq fost tgħajjir.

Packham allega wkoll li anke l-Pulizija bdew jimbuttawh. Dan filwaqt li sasħaq li hu qatt ma għajjar lill-persuni li qed jakkużawh.

Xhud ieħor kien Nicholas Barbara, Conservation Manager ta’ BirdLife Malta, li spjega kif meta seħħ l-inċident il-konservazzjonisti kienu fi triq pubblika waqt li waħda minnhom kienet qed tiffilmja. Qal li kien hawn li waslet vettura b’żewġ persuni, li ddeskriva li kienu rrabjati ħafna, u ħarġu għalihom.

Ruth Peacy, li qalet li waqt l-inċident tat-18 t’April kienet qed tiffilmja, ikkonfermat dak kollu li qal Packham fix-xhieda tiegħu. Hi wkoll akkużat lill-Pulizija li mbuttaw lil Packham.

Min-naħa tiegħu n-nassab Charlton Paul Attard, mix-Xewkija qal li fit-18 t’April fiż-żona fejn kien jinsab marru membri ta’ BirdLife Malta li ppruvaw jieħdu ritratti iżda hu ma ħallihomx jagħmlu dan.

Qal li fil-post wasal ukoll Packham li beda jimbuttah b’sidru u jrossu ma’ ħajt, iżda Attard għamilha ċara li hu ma qallu xejn, ma nsulentahx u ma heddux, sakemm fil-post wasal uffiċjal tal-Pulizija li warrab liż-żewġ persuni. Packham kien assistit mill-avukat Steve Tonna Lowell waqt li parte civile dehru l-avukati Deborah Mercieca u Katleen Attard.