Stħarriġ ippubblikat mill-Kunsill tal-Ewropa ibbażat fuq 940 ġurnalist mis-47 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Belarus juri li fl-Ewropa l-ġurnalisti huma esposti għal interferanza serja fix-xogħol tagħhom li tinkludi vjolenza u intimidazzjoni. Dan qed iwassal għal biża’ li frekwentament twassal għal ċensura.
Terz tal-ġurnalisti li aħdu sehem fl-istħarriġ, li sar bejn April u Lulju 2016, esperjenza attakki fiżiċi fuq perjodu ta’ tliet snin. L-iktar interferenza komuni, li kienet rapportata minn 60% tal-ġurnalisti, kienet il-vjolenza psikoloġika, l-intimidazzjoni, it-theddid u l-umiljazzjoni.
It-tieni l-akbar interferenza komuni kienet l-abbuż fuq l-internet li kien rapportat minn 53% tal-ġurnalisti li qalu li dawn l-abbużi kienu fil-forma ta’ attakki personali, defamazzjoni pubblika u kampanji kontrihom. Ir-rapporti ta’ intimidazzjoni minn gruppi interessati huma t-tielet forma ta’ intimidazzjoni (50%) u warajhom kien hemm it-theddid fil-forza (46%), intimidazzjoni minn gruppi politiċi (43%), sorvejlanza (39%) u intimidazzjoni mill-pulizija (35%).
//= $special ?>