Il-Qorti Suprema tal-Pakistan iddeċidiet li mhemmx biżżejjed provi dwar korruzzjoni biex jitwarrab il-Prim Ministru Pakistani, Nawaz Sharif. Madankollu, din il-qorti ħarġet direttiva biex tkompli l-investigazzjoni dwar trasferimenti ta’ flus illegali.
Id-domandi dwar l-attivitajiet kummerċjali tal-familja ta’ Sharif qamu minħabba l-assoċjazzjoni ta’ tlieta fost uliedu ma’ kontijiet offshore – b’dan ikun żvelat mil-leaks tal-Panama Papers. Sharif u familtu ċaħdu li għamlu xi ħaġa ħażina waqt li qed jinsistu li l-allegazzjonijiet huma ‘infondati’ waqt li ‘intiżi għall-gwadann politiku tal-avversarji’.
Intant, il-każ qed jingħata importanza kbira, fost it-tbassir li ‘kwalunkwe riżultat u verdett’, ’il quddiem, jista’ jiddetermina l-futur tal-Prim Ministru Pakistani.
Madwar 1,500 pulizija kienu stazzjonati madwar il-qorti li pproċessat lil Sharif, f’Islamabad. Sadattant, inġabru l-folol tan-nies fost l-għajjat kontra l-korruzzjoni u biex ‘Sharif iwarrab minn Prim Ministru’.
Il-Qorti Suprema tal-Pakistan, tard is-sena l-oħra, qablet li tinvestiga l-ġid li għandu Nawaz Sharif fil-kontijiet offshore wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Pakistana, Imran Khan, kien hedded li jorganizza manifestazzjonijiet ta’ protesta fit-toroq. L-investigazzjoni għafset l-aktar fuq il-fondi użati għal xiri ta’ proprjetà f’Londra, permezz ta’ kumpanniji offshore.
Maryam Sharif, it-tifla tal-Prim Ministru u meqjusa bħala personalità politika tal-futur, flimkien ma’ ħutha, Hasan u Hussein, huma implikati fl-allegazzjonijiet.
Min-naħa tiegħu, Nawaz Sharif qed jgħid li l-ġid u l-assi inkwistjoni nkisbu bil-mezzi legali. Madankollu, il-kritiċi tiegħu qed jissuġġerixxu li ntużaw il-kumpaniji offshore ‘għall-ħasil’ tal-ġid iġġenerat minn attivitajiet illegali, inkella għal evażjoni tat-taxxa.
U għalkemm il-Partit ta’ Nawaz Sharif – il-Lega Musulmana tal-Pakistan – u l-familja tal-Prim Ministru qed iqisu l-verdett tal-qorti bħala ‘trijonf’, l-investigaturi xorta qegħdin jaħsbu biex jiffukaw fuq kif il-qraba ta’ Sharif li ttrasferew il-flus lejn il-Qatar.
//= $special ?>