Il-Qorti tal-Maġistrati llum semgħet kif raġel li kien arrestat minħabba li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, irnexxielu jiżgiċċa mill-kustodja tal-Pulizija u jagħmel diversi ġranet maħrub.
Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja fil-każ kontra Jason Micallef l-Ispettur Jonathan Ransley xehed li Micallef naqas li jiffirma fl-għassa ta’ Tas-Sliema għal diversi drabi u dan bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ proċeduri oħrajn fejn jinsab akkużat li wettaq reat ieħor.
L-Ispettur Ransley qal li minn eżami li għamel irriżulta li bejn l-1 ta’ Frar u s-17 ta’ Marzu, Jason Micallef naqas milli jiffirma l-bail book xejn inqas minn 20 darba. Għal uħud minn dawn l-okkażjonijiet, hu pproduċa ċertifikat tat-tabib filwaqt li għal oħrajn ma ppreżentax ċertifikati.
Għaldaqstant wara li kiseb mandat ta’ arrest mill-Maġistrat Anthony Vella, l-Ispettur Ransley ta struzzjonijiet sabiex Jason Micallef ikun arrestat meta jiġi biex jiffirma fl-għassa. Hekk ġara fit-22 ta’ Marzu li għadda u meta kien qed jinterrogah, Micallef qal li hu kellu ċertifikat li swieh €150 minn tabib, li l-imputat ma tax ismu, f’Ħal Qormi. Meta l-Ispettur infurmah li se jżommu taħt arrest, Micallef qallu li ġie bil-karozza mat-tfajla u t-tifel u ma jistax iħallihom hemm għax it-tfajla ma ssuqx.
L-Ispettur qallu li lanqas hu m’hu suppost qed isuq għaliex m’għandux liċenzja. Eżatt wara, Surġent akkumpanja lil Micallef biex jivverifikaw u jieħdu d-dettalji tal-vettura. Kien propju f’dan il-ħin, hekk kif ħarġu mill-Għassa ta’ Tas-Sliema, li l-akkużat imbotta lis-Surġent – li tilef il-bilanċ – u rnexxielu jaħrab mill-post.
L-Ispettur Ransley qal li kien madwar ġimgħa wara li l-Pulizija ingħatat informazzjoni kunfidenzjali li Jason Micallef kien qed jgħix f’post f’Bormla. Il-Pulizija marru fuq il-post u arrestaw lill-akkużat. Wieħed mill-Pulizija sofra ġrieħi ħfief waqt l-arrest.
Waqt il-kontroeżami mid-difiża, l-Ispettur Ransley qal li kien irċieva telefonati mill-familja tat-tfajla ta’ Jason Micallef fejn qalulu li kien qed jiġi. Hu qal li ma kienx infurmat li wħud mill-okkażjonijiet meta ma ffirmax fl-għassa tal-Pulizija kien propju minħabba dan it-theddid.
Waqt is-seduta xehed ukoll rappreżentant ta’ Transport Malta li kkonferma li Jason Micallef m’għandux liċenzja tas-sewqan.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Jonathan Ransley filwaqt li l-Avukat Marion Camilleri qed tassisti lill-akkużat. Il-każ ikompli.
//= $special ?>