Talanqas tliet persuni tilfu ħajjithom waqt sensiela ta’ protesti kontra l-Gvern immexxi mill-President tal-Veneżwela, Nicolas Maduro.
Fost il-vittmi kien hemm adolexxenti fil-kapitali Caracas u mara li qalgħet tiri fatali fl-inħawi ta’ San Cristobal, viċin il-fruntiera mal-Kolombja. Il-maqtul l-ieħor hu membru tal-Gwardja Nazzjonali li tilef ħajtu waqt inċident lejn in-Nofsinar ta’ Caracas.
Għexieren ta’ eluf ta’ nies ipprotestaw, madwar il-pajjiż, fost sejħiet biex isiru elezzjonijiet ġodda għall-Presidenza u biex jinħelsu l-politiċi tal-Oppożizzjoni li ilhom żmien magħluqin il-ħabs. Sadanittant il-Gvern ta’ Maduro wettaq għexieren ta’ arresti waqt li akkuża lill-Oppożizzjoni ‘talli organizzat l-attakki fuq il-pulizija’.
Kelliema għall-Presidenza rreferew ukoll għal serq mill-ħwienet waqt id-dimostrazzjonijiet, meta l-Kap tal-Oppożizzjoni, Henrique Capriles, sejjaħ biex isiru aktar protesti tal-massa.
Sadanittant, is-sostenituri ta’ Maduro ukoll organizzaw dimostrazzjoni favur il-Gvern f’Caracas.
Minkejja li għandha l-akbar riservi taż-żejt fid-dinja, il-Veneżwela ilha s-snin tbati l-effetti tal-inflazzjoni għolja u l-kriminalità rampanti.
Intant, il-protesti li qed isiru madwar il-pajjiż qed jitqiesu bħala ‘l-akbar fi tliet snin’, bil-pressjoni qed tikber fuq il-President Maduro biex jinnegozja mal-Oppożizzjoni u jsib il-mezzi li jnaqqsu mill-kriżi ekonomika tal-Veneżwela.
//= $special ?>