Lokali

Kemm għaddew flus mingħand it-tifla ta’ Aliyev?

Egrant Inc. hija l-iktar li rċeviet flus mingħand Leyla Aliyeva

Informazzjoni ġdida żvelata fl-aħħar sigħat mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tikkonferma li l-kumpanija sigrieta Egrant – li issa ġiet xolta – kienet l-aktar waħda li rat flus ġejjin mit-tifla tal-President tal-Ażerbajġan Aliyev.

Il-kumpanija tat-tifla tal-President tal-Ażerbajġan għaddiet somom kbar ta’ flus lill-kumpaniji Hearnville Inc, Tillgate Inc u Egrant Inc. Iżda kif qalet il-ġurnalista innifisha (ara ritratt) l-akbar ammont ta’ tranżazzjonijiet u flus għaddew għand Egrant.

Hearnville Inc hi l-kumpanija ta’ Konrad Mizzi, Tillgate Inc hi ta’ Keith Schembri u Egrant Inc hi ta’ xi ħadd li ismu mistenni jiġi żvelat fis-siegħat jew ġranet li ġejjin.

Fl-istess sit elettroniku, Caruana Galizia qalet b’mod dirett illi taf ta’ min hi Egrant u li din hija ta’ xi ħadd li hu PEP – politically exposed person.

Sa issa għadna ma nafux eżatt kemm għaddew flus f’dawn it-tliet kumpaniji sigrieti illi inkixfu fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Ikkummenta