L-Awstralja se tagħmilha aktar diffiċli biex persuna tikseb iċ-ċittadinanza Awstraljana, skont sistema ta’ aġġornament notevoli għall-proċess tal-immigrazzjoni lejn artha.
Iċ-ċittadini Awstraljani aspiranti, ‘il quddiem, iridu jgħaddu minn eżamijiet aktar diffiċli rigward il-kapaċitajiet tagħhom biex jesprimu ruħhom bl-Ingliż. Fl-istess ħin, huma jridu juru li jħaddnu tassew ‘il-valuri tal-Awstraljani’.
Dan qalu li l-Prim Ministru Awstraljan, Malcolm Turnbull, meta l-applikanti għaċ-ċittadinanza, fil-futur, se jkollhom jagħmlu (qabel) erba’ snin bħala residenti permanenti tal-Awstralja – jiġifieri tliet snin aktar milli tesiġi s-sistema preżenti.
Il-pass qed jittieħed jumejn wara li l-Awstralja introduċiet ħtiġiet tal-visa aktar stretti għall-ħaddiema minn barra li jispeċjalizzaw f’xi sengħa partikulari.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Turnbull qal li l-bidliet iridu jiżguraw li l-immigranti jkunu integrati aħjar fil-komunità ‘waqt li jifhmu, fl-istess ħin, l-importanza li huma jikkontribwixxu għall-valuri tal-poplu ( Awstraljan)’.
Meta spjega dawn il-valuri, Turnbull qal li l-immigranti jeħtieġu juru appoġġ u tolleranza għad-drittijiet ta’ persuna li tipprattika r-reliġjon b’mod ħieles. Kriterju ieħor hu li l-immigranti jirrispettaw l-ugwaljanza bejn is-sessi.
‘Ir-rispett għan-nisa u t-tfal hu fost il-valuri ewlenin tal-Awstraljani,’ kompla l-Prim Ministru, li għamilha ċara wkoll li ‘il-vjolenza domestika ma tkunx ittollerata’.
Il-Gvern Awstraljan għamilha ċara li l-bidliet fil-proċess għaċ-ċittadinanza u l-ħteġiet elenkati huma validi għall-applikazzjonijiet ġodda kollha u li dan qed isir ‘fl-interess nazzjonali’.
//= $special ?>