Internazzjonali

L-Ażerbajġan: Akkużi ġodda dwar xiri ta’ voti mir-reġim ta’ Aliyev fil-Kunsill tal-Ewropa

Ir-reġim tal-Ażerbajġan qed jiffaċċja allegazzjonijiet ġodda li prova jxaħħam membri tal-Kunsill tal-Ewropa  biex huma jivvutaw kontra l-voti fl-istess Kunsill li jikkritikaw lill-President Ażeri, Ilham Aliyev.

Il-Kunsill tal-Ewropa hi organizzazzjoni ewlenija li tħares id-drittijiet umani u jinkludi d-delegati tal-Parlamenti Nazzjonali li jiltaqgħu erba’ darbiet fis-sena fi Strasburgu.

Issa, il-Kunsill qed ikun imħeġġeġ biex, il-ġimgħa d-dieħla, jieħu ħsieb investigazzjoni għal kontra l-korruzzjoni fi ħdan l-istituzzjonijiet tiegħu. L-aħħar allegazzjonijiet kontra l-Ażerbajġan jinvolvu tbagħbis ta’ voti fi ħdan il-Kunsill.

Dan meta l-gazzetta Britannika The Guardian  illum żvelat li żewġ persuni li għandhom esperjenza kbira tal-assemblea parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, esprimew il-ħsieb li membri tal-Kunsill kienu offruti flus għall-voti mill-Ażerbajġan.

Issemmew anki allegazzjonijiet li membru tad-delegazzjoni tal-Ażerbajġan lill-Kunsill tal-Ewropa kellu madwar 30 miljun ewro x’jonfoq għal-lobbying u tixħim tal-istituzzjonijiet tal-Kunsill, li jinkludu l-assemblea.

L-indikazzjonijiet huma li membri kredibbli ħafna tal-Kunsill kienu offruti l-flus biex jivvutaw b’ċertu mod,  meta l-Ażerbajġan ilu jiffaċċja akkużi li qed joffri l-inċentivi finanzjarji u rigali lussużi lill-membri tal-Kunsill biex il-Gvern ta’ Baku jiggwadanja minn voti favorevoli. Il-kritiċi jgħidu li l-Ażerbajġan qed juża l-assemblea tal-Kunsill tal-Ewropa biex it-tmexxija awtoritarja tal-President  Aliyev tingħata bixra ta’ leġittimità.