Jekk kont tmur mal-familja fiż-żona tas-Salib tal-Għolja, post frekwentat minn ħafna għall-veduta mill-isbaħ ta’ pajjiżna, inkluż it-turisti, issa ma tistax tmur iżjed.
Dan għaliex il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ġie ordnat mill-Pulizija biex jissiġilla kull aċċess għas-Salib tal-Għolja u l-madwar, inkluż il-Kappella tal-Lunzjata u wkoll l-għar storiku li wieħed isib taħt l-istess għolja.
Kien fl-aħħar jiem li l-Perit tal-gvern intalab jagħmel assessjar tas-sitwazzjoni taż-żona, u sab li hemm periklu li kemm il-Kappella kif ukoll l-għar jikkollassaw. Il-Kappella tal-Lunzjata, li matul is-snin iġġarfet ħames darbiet, għandha konsenturi kbar mad-dawra kollha u parti mis-saqaf diġa ġġarfet.
Fid-dawl ta’ dan ħarġet ordni biex iż-żona tingħalaq sakemm isiru l-miżuri li hemm bżonn biex il-post isir sigur mill-ġdid, anke għaliex il-pubbliku, biex jasal sa ħdejn is-Salif, irid jgħaddi minn fuq l-għar stess.
Din iż-żona kienet ġiet restorata fl-2014, b’investiment ta’ €300,000 b’fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Programm tal-Iżvilupp Rurali, fejn sar proġett li jinkludi tisbiħ taż-żona u pavimentar ġdid.
Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qed jinsisti biex kemm jista’ jkun malajr tittieħed azzjoni biex ma tkomplix issir ħsara u jitneħħa l-periklu biex il-post mill-ġdid jitgawda mill-pubbliku.
//= $special ?>

