Il-ġimgħa li għaddiet il-Knisja Kattolika ċċelebrat il-Ġimgħa Mqaddsa. Partikularment minn Ħamis ix-Xirka sal-Ħadd saru diversi wirjiet, funzjonijiet, attivitajiet u purċissjonijiet imferrxin ma’ Malta u Għawdex. Dawn kollha jgħaqqadhom is-sens qawwi ta’ volontarjat li għandna f’pajjiżna.
F’kull lokalità għandna mijiet ta’ nies li bl-aktar mod diżinteressat, mingħajr ma jfittxu introjtu finanzjarju jagħtu ħinhom, ħin il-familja tagħhom u anki spiss joħorġu l-flus minn buthom biex isiru attivitajiet li jiġbdu lejhom eluf ta’ nies.
Jixraq li nuru l-apprezzament tagħna lejn minn kull b’sens altruwista joffri lilu nnifsu jew lilha nnifisha biex jagħmel u joħloq inizjattivi li joffru esperjenza reliġjuża, spiritwali u soċjali jew inkella jagħtu gost lil ħaddieħor.
Ir-Rabat, il-lokalità li naf sew sa minn tfuliti, hi xempju ta’ kif il-volonarjat jimraħ f’attivitajiet reliġjużi, soċjali jew sportivi. Flimkien mal-familja tiegħi żort diversi wirjiet li saru fil-lokalità, kif għamilt ukoll f’lokalitajiet oħra fis-seba’ distrett elettorali li jinkludi wkoll lil-lokalità kbira ta’ Ħaż-Żebbuġ li bħar-Rabat ukoll issir il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u jsiru diversi wirjiet. Ir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ għandhom tradizzjoni qawwija mhux biss fl-attivitajiet reliġjużi li jinvolvu mijiet ta’ nies, imma anki dawk marbuta mal-festi esterni u l-baned.
Bejta kbira ta’ nies attivi
Tant mijiet ta’ tfal u żgħażagħ sabu żvog, taħriġ mużikali u żviluppaw talent fil-każini tal-baned. Il-wirjiet mhumiex limitati biss għal-lokalitjaiet il-kbar għaliex anki f’dawk iżgħar, bħall-Imġarr, Ħad-Dingli u l-Imtarfa issib bejta kbira ta’ nies li huma attivi. Anki bis-saħħa tal-kunsilli lokali, illum għandna diversi lokalitajiet li joffru kalendarju reliġjuż u kulturali.
Fiż-żjarat li għamilt ħadt pjaċir niltaqa’ ma’ nies, ta’ kull età li b’għajnejhom jiddu jispejgaw il-passjoni tagħhom u kif ikunu qed jistennew din il-ġimgħa biex juru lill-pubbliku dak li jkunu għamlu fix-xhur ta’ qabel. Is-sodisfazzjon tagħhom hu li jaraw lil ħaddieħor jieħu pjaċir. Dawn huma nies li għandhom sens ta’ inizjattiva qawwija, li jridu jaqsmu ma’ ħaddieħor dak li jkunu qed joħolmu bih bix-xhur ta’ qabel. Minn issa jibdew jispjegawlek xi jridu jagħmlu aktar is-sena d-dieħla u ta’ wara. Ta’ min jammirhom lil dawn in-nies.
Bl-istess mod, fil-knejjes issib volonarjat qawwi. Biżżejjed tara kif il-knejjes f’dawn il-ġranet ibiddlu l-kuluri tagħhom. Wara kull bidla jkun hemm riġment nies jaħdmu. Eżempju ieħor tal-volonarjat hu espress kif is-sepurkli jkunu miżgħuda bil-fjuri b’arraġamenti speċjali. Xogħol li jieħu l-ħin, paċenzja u reqqa.
Il-kultura tal-volonarjat jeħtieġ li nsostnuha. Fil-knejjes, tibda minn età żgħira, bħal per eżempju l-abbatini u t-tfal fil-korijiet. Hemm ukoll l-għaqdiet li jinvolvu tfal u żgħażagħ li jagħtu mill-ħin tagħhom għal skopijiet differenti fosthom li jgħinu lil min ikun għaddej minn diffikultajiet.
Kappa wiesgħa ħafna
Il-kappa tal-volonarjat hi wiesgħa ħafna. Mhix limitata biss għal dak li jsiru mill-parroċċi jew inkella minn individwi li jagħżlu li jiftħu d-djar jew propjetà tagħhom għaliex ikollhom xi esebizzjoni, kif ġara l-ġimgħa li għaddiet. Hemm ukoll il-volonarjat soċjali, edukattiv u sportiv fost l-oħrajn.
F’pajjiżna għandna għexieren ta’ għaqdiet mhux governattivi f’oqsma differenti bħalma huma l-kura tas-saħħa, kundizzjonijiet mediċi partikulari, għaqdiet tal-anzjani u l-pensjonanti, l-ambjent u għaqdiet kulturali. Rajna lil dawn l-għaqdiet jevolvu tul is-snin.
Il-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa fejn saret ġabra għal Puttinu Cares hi wkoll manifestazzjoni qawwija ta’ volontarjat u solidarjetà, kif inhi kull sena l-attività l-Istrina taħt il-kappa tal-Malta Community Chest Fund. Tabilħaqq li l-volontarjat hu mifrux sew.
Hu f’waqqtu li min jimpena ruħu għal ġid tal-komunità mhux biss isib l-apprezzament iżda anki l-appoġġ meħtieġ minn aktar programmi governattivi u inizjattivi tal-kunsilli lokali għaliex il-volonarjat ikun qiegħed isaħħaħ ukoll l-identità lokali. Dan minbarra diversi benefiċċji oħra fosthom edukattivi u soċjali li jġibu magħhom l-inizjattivi li jitmexxew mill-volonarjat.
Mill-ġdid grazzi lil kull min qed jagħti ħin biex ikun ta’ servizz għal ħaddieħor bil-volonarjat.
//= $special ?>