Kultura Lokali

Orgni ġdid għar-Rotunda tax-Xewkija

Fl-ikbar knisja ta’ Għawdex, taħt waħda mill-akbar koppli fid-dinja, jinsab orgni ġdid fjamant li qed jistenna li jiġi mżanżan.

Dan hekk kif l-istrument qiegħed fir-Rotunda tax-Xewkija, u ġie installat u mbierek mill-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Mario Grech Isqof ta’ Għawdex f’Novembru tal-2016. Madanakollu l-istorja ta’ dan l-orgni teħodna lura fl-2012 meta l-orgni antik tal-eletriku kellu bżonn jinbidel. Noel Gallo, Arkitett Malti tal-Orgnijiet, magħruf mad-dinja kollha, iddisinja strument ġdid apposta u kkummissjona lil Michael Farley Organ Builders, ibbażati f’Devon, ir-Renju Unit, biex jibnuh.

L-espressjoni bl-Ingliż ‘pulling out all the stops’oriġinarjament bdiet mid-dinja tad-daqq tal-orgni u tfisser li xi ħadd jagħmel minn kollox biex xi ħaġa tirnexxi. Hija frażi partikolarment adattata biex tiddeskrivi l-missjoni tar-Rotunda biex tpoġġi l-orgni fl-aħjar post possibbli.

Dan għax il-post fejn jitqiegħed strument mużikali, speċjalment wieħed kumpless bħalma hu orgni, huwa kruċjali. Biex jiġi żgurat li joħroġ l-aqwa ħoss, kemm għall-kongregazzjoni kif ukoll għall-organisti nfushom, iridu jitqiesu bosta fatturi, u wara għadd kbir ta’ diskussjonijiet, disinni u kalkoli, ġie deċiż li l-orgni jitqiegħed fiż-żona tal-kor wara l-altar.

Madanakollu, l-ispazju huwa pjuttost limitat, għalhekk il-kamra u l-kuritur li jinsabu biswit ġew modifikati biex issa fihom qed jinżamm makkinarju anċillari u jiprovdi aċċess komdu ghal kull parti tal-orgni. Twaħħal ukoll bieb tal-ħġieġ biex dawk li jżuru l-post ikunu jistgħu jaraw kif jaħdem l-orgni.

Il-kaxxa maestuża hija magħmula mill-injam taċ-ċirasa u llustrata biż-żejt, filwaqt li l-kanen tal-faċċata huma taż-żingu llustrati u protetti bil-lakka. Il-kanen tal-orgni jistgħu jsebbħu post sagru, bl-istess mod kif isebbħuh twieqi bil-ħġieġ ikkulurit, u f’ dan l-orgni tar-Rotunda tax-Xewkija hemm 1,204 kanen, li jinkludu 101 li jidhru fuq barra, kif ukoll 25 tubular bells.

L-orgni jindaqq minn console ta’ tliet tastieri u pedaliera speċifikament idisinnjata għalih, kif ukoll minn console oħra mobbli ta’ tastiera waħda. Għandu wkoll sistema biex ikun jista’ jindaqq awtomatikament jekk l-oganista ma jkunx disponibbli.

Dan l-orgni l-ġdid ser jiġi inawgurat f’Mejju li ġej, u qed jiġu organizzati diversi avvenimenti għaċ-ċelebrazzjoni tiegħu, li jilħqu l-qofol tagħhom b’kunċert minn organista internazzjonali, David Davies.

Għaldaqstant ser isiru diversi attivitajiet mifruxa fuq tlett ijiem, kulħadd huwa mistieden u m’hemmx bżonn ta’ biljetti;

·         Il-Ħamis, 4 ta’ Mejju fis-19:30, ir-Rev. Ignatius Borg ser jagħti diskors dwar il-Mużika Sagra fil-Liturġija.

·         Il-Ġimgħa 5 ta’ Mejju fis-19:00, Noel Gallo u Michael Farley ser jagħmlu preżentazzjoni awdjo-viżiva dwar l-istorja u l-karatteristiċi tal-orgni l-ġdid tax-Xewkija.

·         Is-Sibt 6 ta’ Mejju fis-19:30, David Davies ser jagħti l-kunċert tal-inawgurazzjoni fuq l-orgni l-ġdid fil-preżenza tal-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, u l-E.T. Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.