L-essenzjal bil-wisq importanti tal-politika huwa ż-żmien li fih l-ideat jissarrfu f’politika, u partit politiku jkun qiegħed jaqdi l-funzjoni ewlenija tiegħu meta jagħraf jisfrutta jimxi maż-żminijiet u jfassal skont il-ħtiġijiet soċjopolitiċi tal-attwalità politika skont il-mument innifsu.
Li l-politika hija manifestazzjoni ta’ ideat hija xi ftit jew wisq mifhuma – imma mhux dejjem, u l-istorja tixhed dan mingħajr konklużjonijiet kuntrarji – jekk kemm-il darba l-ideat ikunu verament l-essenzjal altruwistiku fis-sens li jkunu qed jitnisslu sforz ġustizzja politika li sservi lis-soċjetà. Tul dawn l-aħħar 70 sena, rajna appuntu lill-Partit Nazzjonalista jkun l-opportunist validu imma b’responsabbiltà tal-mumenti ewlenin fl-istorja ta’ pajjiżna, mill-Indipendenza sad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Sfortunatament iżda, pajjiżna esperjenza wkoll politika aktarx distruttiva mfassla b’għanijiet għalkollox partiġġjani kull meta l-Partit Nazzjonalista kien fl-Oppożizzjoni.
Inħarsu ‘l Quddiem:
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu, f’dan il-perjodu partikolari, ir-responsabbiltà li jerġa’ jagħmel mill-politika nazzjonali esperjenza valida li tagħti lil pajjiżna l-altruwiżmu politiku li jixraqlu bħala pajjiż demokratiku fi ħdan l-Unjoni Ewropea. It-tifsil għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, għalhekk jidher fil-viżjoni ta’ partit li mhux biss interessat mil-lum għal-lum, imma li jħares fit-tul.
Għalhekk, id-dokumenti li l-Partit Nazzjonalista nieda, fosthom id-dokument dwar il-‘good governance’ huma lkoll sensiela ta’ ideat li jħarsu ‘l quddiem. Dan huwa mistenni u huwa għaldaqstant importanti, imma forsi wasal iż-żmien li nieqfu u nħarsu lejn il-politika minn perspettiva kuntrarja u mhux dejjem nibqgħu nqisu, li biex nimxu ‘l quddiem irridu nħallu warajna l-passat u nikkunsidraw biss il-futur. Għaliex jekk kemm-il darba tissejjaħ elezzjoni bikrija – saħansitra jiena nemmen li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-1 ta’ Mejju jafu jkunu detrimenti għal dan il-fattur – u l-Partit Laburista jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni u jingħata mandat ġdid, il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista bħala Oppożizzjoni kostruttiva imma wkoll viżjonarja, tisfa fix-xejn, għaliex l-argumenti validi tassew li tqajmu mill-istess Oppożizzjoni kif ukoll mill-midja lokali dwar skandlu wara skandlu, ikunu possibbilment indifnu darba għal dejjem.
Jekk, allura, Muscat jersaq għal elezzjoni u jirbaħ, jinbeda mandat ġdid u flimkien miegħu jingħata, aktarx, mandat ġdid ukoll Konrad Mizzi u l-ministri kollha, jew ħafna minnhom, li kienu involuti f’każijiet li lkoll kienu allegatament misjuqa minn prassi korrotti. F’dal-każ, l-Oppożizzjoni tkun tilfet opportunità li l-esponenti ewlenin tal-Gvern ta’ Muscat iħallsu ta’ għemilhom bil-vot popolari tal-elettorat Malti.
Dan ċertament mhuwiex biżżejjed, u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jrid jibda wkoll jikkunsidra serjament il-possibbiltajiet kollha, li saħansitra jħares lura u mhux biss ‘il quddiem jekk u meta jirbaħ l-elezzjoni.
Inħarsu b’Lura:
Irrispettivament meta, il-Partit Nazzjonalista jrid jaqta’ linja darba għal dejjem. Huwa mistenni minn kull Gvern Nazzjonalista li Malta tikseb ċertu element ta’ serjetà u dixxiplina, u għaldaqstant wasal iż-żmien li jittieħdu ċerti miżuri, jew għallinqas tkun maħsuba u diskussa l-possibbiltà li tinqata’ l-marda qerrieda tal-impjiegi mal-‘Gvern’ anke għal dawk li ma jixirqilhomx. Ma jistax ikun, li amministrazzjoni Nazzjonalista wara l-oħra, issib ruħha fi Gvern b’Ċivil li huwa mgħobbi b’eluf żejda li ma humiex kwalifikati sabiex jagħmlu dak l-impjieg innifsu jew ma humiex denji ta’ ġustizzja meritokratika.
Għaldaqstant, Gvern Nazzjonalista, irid, sabiex jinqata’ darba għal dejjem l-abbuż fiċ-Ċivil, jevalwa u jassessja mill-ġdid, kull impjegat li ddaħħal maċ-Ċivil matul il-leġiżlatura Laburista. Jekk kemm-il darba kulmin ingħata l-impjieg ma jkunx kompetenti u kwalifikat għall-impjieg innifsu, iridu jittieħdu l-passi! Jekk pajjiżna ma jiħux dan il-pass drastiku, jew aħjar Partit Nazzjonalista fil-Gvern, ser inkunu qed inkomplu nxettlu marda li ma nistgħu neqirdu qatt.
Dan l-abbuż irid jinqata’, u jekk kemm-il darba Partit Nazzjonalista jqis din il-possibbiltà, min hu responsabbli jżomm pass lura qabel jasal idaħħal ir-razza u r-radika maċ-Ċivil għax ‘issa l-Gvern tagħna’! Għal kull marda trid tinstab il-kura, u din hija marda serja li qed tifni lil pajjiżna u jeħtieġ li xi ħadd, xi darba jiqfilha darba għal dejjem, inkella ser inkunu aħna wkoll bħala l-Partit li minnu jkunu mistennija l-ogħla standards, kompliċi tal-kultura tal-impjiegi maċ-Ċivil li ħafna minnhom huma xempju ta’ paradoss meritokratiku!
Tajjeb li tħares ‘il quddiem, imma hemm bżonn li mqar għal darba waħda, il-Partit Nazzjonalista jieqaf u jħares lura.
Din l-opinjoni qed tidher fil-ġurnal ‘In-Nazzjon’ tal-Erbgħa 19 ta’ April 2017
//= $special ?>