Carlos Gauci ta’ 31 sena minn San Ġwann kien ikkundannat 9 xhur ħabs sospiżi għal sena u mmultat €1,000 wara li ammetta li ħebb għal pulizija u gidmu wara li kien waqqfu minħabba sewqan perikoluż.
L-inċident seħħ wara li Gauci kellu argument mat-tfajla tiegħu u heddida. Hu kien qed isuq wara karozza tal-linja fejn kienet riekba t-tfajla.
Gauci kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika b’għajjat, dagħa u kliem oxxen quddiem residenza fil-Birgu.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja, innutat li l-akkużat kellu kondotta nadifa, ammetta l-akkużi fi stadju bikri u ddikjara li hu lest jagħmel tajjeb għall-ħsara kkaġunata fuq l-uniformi tal-pulizija aggredit. Minbarra s-sentenza sospiża u l-multa, il-Qorti ordnat ukoll li Gauci ma jersaqx lejn it-tfajla u l-pulizija involuti fl-inċident għal żmien sena fuq piena ta’ €1,000 kif ukoll issospendiet il-liċenzja tas-sewqan għal xahar.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josric Mifsud filwaqt li Carlos Guaci kien assisti mill-Avukat Victoria Cuschieri.
//= $special ?>