Lokali

AĠĠORNATA: Iffirmat Ftehim Kollettiv għaċ-Ċivil; Gvern ġdid Nazzjonalista jirrispettah

Joseph Muscat isemmi l-istess proposta li ilu xhur jitkellem dwarha Simon Busuttil

30,000 impjegat taċ-Ċivil se jkunu affetwati mill-Ftehim Kollettiv li ġie ffirmat dalgħodu f’Kastilja. L-iffirmar sar bejn id-diversi unions li jirrapreżentaw il-ħaddiema tal-gvern u se jkun mifrux fuq 8 snin.

Jindirizzaw lil dawk preżenti f’Kastilja kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar.

Fid-diskors tiegħu Muscat insista li għalkemm hemm dawn iż-żidiet, issa jistenna aktar minn naħa taċ-Ċivil. Tkellem ukoll dwar il-kunċett ta’ equal pay for equal work; xi ħaġa li ilu ġimgħat sħaħ jitkellem dwarha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

U fi stqarrija intqal illi Gvern ġdid Nazzjonalista mhux biss se jkun qed jirrispetta l-Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku iżda se jkun qed jindirizza l-inġustizzji kbar li jeżistu fost il-ħaddiema taċ-Ċivil. Il-PN fakkar kif din il-leġiżlatura kienet ikkaraterizzata minn sensiela ta’ inġustizzji fejn ħaddiema ngħataw il-ġenb, u sofrew minn diskriminazzjoni mill-ogħla awtoritajiet taċ-Ċivil.

Intant fi tmiem dan l-iffirmar, il-Prim Ministru baqa’ ħiereġ ‘il barra mis-sala u ma ħa l-ebda domanda tal-ġurnalisti preżenti.