Kienet telefonata mqanqla bejn Anna Maria Grech, omm u mart l-akkużati Kurt u Joseph Grech, u Jessica Bilocca, it-tfajla tal-vittma Brandon Pace li eventwalment wasslet għall-ġlieda fatali li wasslet għall-mewt tal-istess Pace.
Dan ħareġ waqt ix-xhieda tal-Ispettur Elliot Magro waqt il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja fil-każ kontra Kurt Grech u missieru Joseph Grech magħrufa bħala tan-nemes, li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Brandon Pace fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun fit-2 ta’ April li għadda. F’din ix-xhieda l-Ispettur Magro ikkwota mill-istqarrijiet tal-akkużati u l-familjari tagħhom u tal-vittma. Fil-ġlieda, l-akkużat Kurt Grech kien weġġa’ gravi b’daqqa ta’ sikkina u Jessica Bilocca sofriet ġrieħi ħfief.
L-Ispettur Magro qal li meta wasal fuq il-post sab kommossjoni sħiħa bil-vittma wiċċu ‘l fuq u mimli dmija fl-entratura tal-blokka appartamenti fejn kien joqgħod. Mill-ewwel stħarriġ hu ra tliet ġrieħi fuq Pace, waħda fuq spalltu x-xellugija, oħra taħt sidru fuq in-naħa tax-xellug u f’riġjejh ix-xellugija.
Fl-istqarrija tagħha, Lisa Pace, omm il-vittma qalet li dakinhar filgħaxija kien hemm argument bit-telefon bejn Jessica Bilocca u omm Kurt Grech dwar it-tifel ta’ 6 snin. Ftit wara hi semgħet tisbit mal-bieb komuni u meta ttawwlet mill-gallarija rat lil Kurt Grech u missieru Joseph barra t-triq armati bi skieken. Dak il-ħin, binha Brandon kien qed jinħasel, u sakkret il-bieb biex ma joħroġx mill-flat. Sadanittant Jessica kienet qed twaddab biċċiet ta’ madum lejhom mill-gallarija. Il-vittma niżel isfel armat b’sikkina u għamel għalihom. L-Argument baqa’ sejjer sa nofs it-triq meta f’ħin minnhom Brandon żelaq u ħarbitlu s-sikkina minn idu. Kien hawnhekk, kompliet Pace fl-istqarrija tagħha, li Joseph Grech ta żewġ daqqiet ta’ sikkina lil binha fuq spalltu u dahru. Jessica ipprovat tgħinu jidħol lura ġewwa u f’dan il-ħin Kurt Grech taha daqqa f’saqajha. “Qtiltuli l-Brandon, qtiltuhuli!” għajtet Lisa Pace u semgħet lil Joseph Grech jgħid “ħallih imut”.
L-Ispettur Magro irrefera wkoll għall-istqarrija ta’ Anna Maria Grech li qalet li l-Ħadd kienu kollha fil-korsa tal-Marsa biex jassistu għat-tiġrija taż-żiemel tagħhom, in-neputi, bin Jessica u Kurt kien magħhom. Hemmhekk huma ltaqgħu mal-ġenituri u ħu Jessica. Hi ċemplet lil Jessica biex tinfurmaha li t-tifel kien magħhom. Hi ħaditha qatta’ bla ħabel kontriha u fl-isfond instema’ l-vittma Brandon Pace. Hi ndunat li binha Kurt kien irrabjat u saqu warajh u rawh jieqaf quddiem il-blokka fejn joqogħdu Jessica u Brandon u seħħet il-ġlieda. Hi provat tferraqhom u nnutat li binha Kurt kien diġa’ midrub. Hi semgħet lil Lisa Pace twerżaq u ma tiftakar xejn iktar għax kienet taħt xokk. Anna Maria Grech stqarret li la hi u lanqas żewġha Joseph ma kellhom skieken.
Fl-istqarrija tiegħu wara li ħareġ mill-Isptar, l-akkużat Kurt Grech qal li sa 3 snin ilu hu u Brandon Pace kienu ħbieb iżda r-relazzjoni ħżienet meta l-vittma beda joħroġ ma’ Jessica Bilocca. Hu qal li binhom kien jiġi maħmuġ u bil-ġuħ mingħandha. Grech qal li kellu suspetti li Jessica kienet qed tieħu d-droga u r-relazzjoni ta’ bejniethom tant ħżienet li għall-aċċess hi kienet tiftiehem ma’ ommu. Hekk kif sema’ lil ommu targumenta ma’ Jessica hu qal ku se jkellimhom hu. Qal li ħa żewġt iskieken miegħu għax jaf li Brandon Pace jasal. Hu qal li l-vittma niżel b’sikkina u laqtu f’sidru. Dak il-ħin hu beda jfajjar kif ġie ġie u ma jafx fejn kien qed jolqot. Kurt Grech qal li missiera ma kellu ebda sikkina u ma ta ebda daqqa. Wara hu telaq mill-post u rema l-iskieken fi sprall qrib ir-residenza tiegħu.
Waqt il-kontroeżami, l-Ispettur Magro qal li l-ġrieħi li sofra Kurt Grech huma konsistenti ma’ daqqiet ta’ sikkina. Hu qal li filwaqt li nstabu ż-żewġt iskieken tal-allegat aggressuri, is-sikkina li allegatament kellu l-vittma baqgħet ma nstabitx.
Il-kumpilazzjoni tkompli. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Elliot Magro filwaqt li l-Avukat Roberto Montalto qed jidher għall-akkużati. L-Avukati Noel Bianco u Silvio Brincat qed jidhru parte civile.
//= $special ?>