Lokali Qorti

Tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ kontra Deniro Magri

Ix-xena tal-omiċidju fejn instab mejjet Sylvester Farrugia fit-12 ta' Frar 2017

 

Il-Qorti llum kompliet tisma’ iktar xhieda fil-kumpilazzjoni tal-każ kontra Deniro Magri ta’ 27 sena mill-Marsa, akkużat bil-qtil ta’ Sylvester Farrugia ta’ 25 sena miż-Żurrieq.

Quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja xehdu diversi pulizija kif ukoll sewwieq tal-ambulanza li ntalbu jiddeskrivu x’raw meta waslu fil-post fejn seħħ id-delitt.

Martin Tabone, sewwieq tal-ambulanzi, xehed li huma waslu fuq il-post għall-ħabta tal-5.30a.m. u l-vittma kien diġa’ mejjet fuq il-post. Ftit wara wasal it-tabib li ċċertifika lil Sylvester Farrugia mejjet fuq il-post. Mistoqsi jiddeskrivi x’ra, Martin Tabone qal li l-vittma kien mixħut mal-art wiċċu ‘l fuq u kien ħdejn karozza tal-għamla Toyota Starlet bajda li kienet ipparkjata ħażin.

Xehed ukoll il-Kuntistabbli Neil Micallef li spjega li l-akkużat instab li kien liebes żarbuna waħda u kien liebes ukoll ingwanti. Dwar il-vettura, il-Kuntistabbli Micallef innota li din kellha l-ħġieġ imkisser u bieba minnhom kienet imbexxqa.

Fix-xhieda tagħha, il-Kuntistabbli Rachel Hunt qalet li minn stħarriġ li għamlet, ma hemm ebda arma tan-nar irreġistrata f’isem l-akkużat Deniro Magri kif ukoll ma nħareġ ebda permess mill-pulizija għal użu ta’ armi lill-Magri.

Sylvester Farrugia instab mejjet fi Triq Simpson fil-Marsa fit-12 ta’ Frar li għadda wara li kien intlaqat minn tiri ta’ arma tan-nar. Deniro Magri jinsab akkużat bil-qtil volontarju tiegħu, iżda Magri qed iwieġeb li aġixxa biex jiddefendi lilu nnifsu wara li spara tiri kontra xi persuni li kienu se jagħtu n-nar lill-bieb ta’ barra tar-residenza tiegħu.

F’Marzu li għadda, wara li nstemgħu diversi xhieda, il-Qorti kienet laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest ta’ Deniro Magri fuq depożitu ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €30,000.

Il-kumpilazzjoni tkompli.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud filwaqt li Magri hu assistit mill-Avukati Giannella Demarco u Franco Debono. L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher parte civile għall-familja tal-vittma.