Futbol Sport

Ajax v O. Lyon, Celta Vigo v Man United fis-semifinali tal-Europa League

Wara li saru magħrufa l-logħbiet tas-semifinali tal-UEFA Champions League, ftit tal-ħin ilu telgħu wkoll il-poloz tas-semifinali tal-UEFA Europa League fejn Ajax telgħu biex jilagħbu kontra Olimpique Lyon, filwaqt li Celta Vigo se jilagħbu kontra Manchester United.

L-aħħar logħba ta’ Ajax kontra oppożizzjoni Franċiża, kienet telfa ta’ 3-1 kontra PSG fil-fażi tal-gruppi taċ-Champions League fl-istaġun 2014/15. L-Olandiżi ma rebħux ukoll fl-aħħar ħames konfronti kontra timijiet Franċiżi.

Lyon rebħu darbtejn minn tliet okkażjonijiet ta’ knock-out kontra timijiet Olandiżi. F’dan l-istaġun, Lyon diġà lagħbu kontra avversarju Olandiż, meta fir-rawnd tal-aħħar 32, għelbu lil AZ Alkmaar 4-1 u 7-1.

Celta Vigo lagħbu disa’ logħbiet kontra timijiet Ingliżi, b’rekord ta’ ħames rebħiet u erba’ telfiet, fejn tilfu l-aħħar tliet logħbiet. L-Ispanjoli kienu lagħbu kontra tim Ingliż fis-semifinali fil-passat, meta kienu lagħbu kontra Aston Villa fit-Tazza Intertoto fl-2000.

Għal Manchester United, din se tkun it-48 logħba kontra tim Spanjol. Meta lagħbu kontra semifinalisti Spanjoli, Manchester United għaddew darbtejn fi tliet okkażjonijiet.

Il-partita bejn Ajax u Olimpique Lyon se tintlagħab l-Erbgħa 3 ta’ Mejju u l-logħba bejn Celta Vigo u Manchester United tintlagħab il-Ħamis 4 ta’ Mejju. Il-partiti ta’ ritorn se jintlagħbu l-Ħamis 11 ta’ Mejju.

Poloz

Ajax v Olimpique Lyon

Celta Vigo v Manchester United