Amber, il-kantanta Maltija l-aktar famuża għar-rapreżentazzjoni tagħha fl-Eurovision 2015 bil-kanzunetta li kitbet hi stess ‘Warrior’, qed tħabbar li se tkun waħda mill-artisti magħżula sabiex tkanta waqt ix-show ta’ qabel il-kunċert ‘24k Magic World Tour’ ta’ Bruno Mars li se jsir f’Barclaycard Arena, Birmingham l-Ingilterra nhar l-24 ta’ April li ġej.
Amber għadha kemm ħarġet l-ewwel studio album tagħha matul is-sena l-oħra bl-isem ta’ ‘Redemption’. Apparti minn hekk, aktar tard din is-sena, Amber se tkun qed tiddebutta f’partijiet differenti fl-Ewropa b’kunċert tagħha stess qabel f’Novembru li ġej tħabbar l-ewwel single internazzjonali tagħha.
Fit-tħabbira ta’ dan kollu, permezz tal-paġna tagħha ta’ Facebook, Amber qalet li tinsab eċitata immens li ġiet magħżula bħala l-artista li tagħti wirja waqt ix-show ta’ qabel il-kunċert tal-artist kbir Bruno Mars waqt dan it-tour li qiegħed jagħmel.
‘24K Magic World Tour’ beda ix-xahar li għadda f’Antwerp u se jkompli jsur madwar l-Ewropa sakemm jasal l-Istati Uniti u l-Kanada.