#muscatgate Lokali

Dak kollu li ġara lbieraħ dwar il-kumpanija ‘Egrant’ tal-mara tal-Prim Ministru

Ilbieraħ ġie żvelat li l-kumpanija ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat, iżda qabel dan ġie żvelat mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-ġurnata bdiet minn filgħodu turi li kellha tkun waħda mimlija żviluppi dwar l-iskandlu tal-Panama.

Dawn kienu l-iżviluppi ewlenin.

1. Dwar ‘Egrant’ Muscat jgħid: “staqsu lil Brian Tonna”

Filgħodu l-ġurnata bdiet bil-Prim Ministru jintlaqa’ mill-ġurnalisti b’mistoqsijiet dwar l-iżviluppi tal-Panama. Muscat qal li “ma nbidel xejn”. Baqa jirrepeti l-frażi “staqsu lil Brian Tonna” meta mistoqsi ta’ min hi Egrant.

FILMAT: PANIKU – Żvelati somom kbar ta’ flus mill-Ażerbajġan fil-kumpaniji, Muscat jgħid li ma nbidel xejn

2. L-istorja dwar kif ‘Egrant’ irċieva/irċeviet $1 miljun mill-Ażerbajġan

L-ewwel storja kbira żvelata mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet dwar il-mod kif fil-kumpanija Egrant daħlu aktar minn $1 miljun. Skont dak rappurtat, dawn ġew mill-kumpanija ‘Al Sahra FZCO’ – tat-tifla tal-President tal-Ażerbajġan Aliyev. Sal-ħin li ġiet żvelata din l-istorja, kienet għadha ma ħarġitx l-identità tas-sid tal-kumpanija Egrant.

Egrant irċieva aktar minn $1 miljun mill-Ażerbajġan

3. Għal Evarist Bartolo, id-diskors dwar ‘Egrant’ għandu jsir waqt xarba tè

Sadanittant, Evarist Bartolo injora għal kollox mistoqsijiet dwar l-iskandlu tal-Panama… għax skont hu, id-diskors dwar dan is-suġġett għandu jsir waqt li jkun qed jixrob tazza tè.

FILMAT: Mir-reazzjoni ta’ Evarist Bartolo dwar Egrant; għad-diskors dwar il-ħalliel tal-katavri u tazza te

4. L-istorja li kulħadd kien qed jistenna: Egrant hi tal-mara ta’ Joseph Muscat

Wara stennija ta’ kważi ġimgħa minn meta l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia qalet li skopriet l-identità ta’ sid il-kumpanija ‘Egrant’, sa fl-aħħar ġie ppubblikat l-artiklu li kulħadd kien qed jistenna: artiklu li jiżvela l-identità ta’ sid ‘Egrant’.

Jirriżulta, skont dak żvelat minn Caruana Galizia, li l-kumpanija ‘Egrant’ hija ta’ Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru. Din l-istorja tinxtered fil-media u fil-media soċjali bħal leħħa ta’ berqa.

FL-AĦĦAR ĦIN: EGRANT HI TAL-MARA TA’ JOSEPH MUSCAT

5. Paniku f’Kastilja: Muscat isejjaħ lill-ġurnalisti b’urġenza

Madwar kwarta wara li faqqgħet l-aħbar, il-Prim Ministru Joseph Muscat sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet urġenti… biex jgħid lill-ġurnalisti li jinsab ‘seren’.

FILMAT: Muscat jgħid li jinsab ‘seren’; mhux se jagħmel inkjesta dwar il-bank Pilatus

6. Paniku f’Pilatus Bank: Tibda tintlemaħ attività stramba

NET News jirrapporta li f’Pilatus Bank bdiet tintlemaħ attività stramba. Sa dan il-ħin, din tkun l-unika informazzjoni dwar Pilatus Bank. Pilatus Bank jinsab f’Whitehall Mansions, Ta’ Xbiex. Huwa l-istess bank li minnu ħarġet l-evidenza ta’ Caruana Galizia dwar kif il-kumpanija ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru.

Attività f’Pilatus Bank

7. Muscat taħt pressjoni: iħalli Kastilja

Xi ħin wara l-konferenza tal-aħbarijiet urġenti, il-Prim Ministru ħareġ minn Kastilja, fejn sab aktar ġurnalisti jistennewh. Kif mistenni, l-Prim Ministru baqa’ sejjer dritt lejn il-karozza.

FILMAT: Muscat taħt pressjoni: Jevita l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti hu u ħiereġ minn Kastilja

8. L-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-PN Simon Busuttil

Bl-istorja dejjem tikber u tiżviluppa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ta l-ewwel reazzjoni tiegħu.

“Il-Pajjiż ma jixraqlux Prim Ministru bi sħaba kerha ta’ korruzzjoni fuq rasu”, il-Kap tal-PN Simon Busuttil

9. Jinħarġu żewġ bagalji bid-dokumenti minn Pilatus Bank

Hekk kif fuq il-media soċjali n-nies kienu qed jistaqsu għaliex il-Pulizija kienet għadha ma bdietx tinvestiga lil Pilatus Bank, NET News qabad lil sid il-bank ħiereġ mill-binja f’Ta’ Xbiex b’żewġ bagalji.

ESKLUSSIVA BIL-FILMAT: Persuni jaħarbu mill-binja ta’ Pilatus; ma jwieġbux lil Net News

10. Il-Kummissarju jiekol fenkata waqt li Pilatus Bank jitbattal mid-dokumenti

Waqt li Pilatus Bank kien qed jitbattal mid-dokumenti, NET News qabad lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar jiekol fenkata fl-Imġarr. Il-Kummissarju rrifjuta li jagħti kumment.

FILMAT: Net News isib il-kummissarju tal-Pulizija waqt fenkata l-Imġarr; jgħid “mhux il-mument li nikkummenta”

11. L-ewwel kummenti ta’ Michelle Muscat

NET News jikseb l-ewwel kummenti ta’ dik li skont l-aħħar rapporti hija sid il-kumpanija sigrieta ‘Egrant’ – Michelle Muscat.

FILMAT: L-ewwel kummenti ta’ Michelle Muscat dwar Egrant

12. Caruana Galizia tikxef informazzjoni ġdida

Il-lejl kien daħal sew, imma Caruana Galizia kompliet tikxef aktar informazzjoni minn Pilatus Bank, u dwar ħlasijiet li għaddew.

$400,000 mingħand oħt is-sid ta’ Pilatus Bank lis-sieħba ta’ Michelle Muscat

13. Muscat jitlob li ssir inkjesta… wara li Pilatus Bank ikun diġa tbattal

Wara li nħarġu l-bagalji minn Pilatus, Muscat jitlob li ssir inkjesta