#muscatgate Lokali

FILMAT: Joseph Muscat jgħid li dak li ġie żvelat huwa “ħela ta’ ħin”

"Mhux affarijiet li nieħu pjaċir nitilfu l-ħin biex nitkellmu dwarhom"

Il-Prim Ministru Joseph Muscat iddeskriva l-iskandlu tal-Panama u l-każ tal-kumpanija allegatament tal-mara tiegħu bħala “ħela ta’ ħin”.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja li ssejħet b’urġenza minn Joseph Muscat waqt li kienet għaddejja konferenza tal-aħbarijiet oħra mill-Kap tal-PN Simon Busuttil, Joseph Muscat qal “Mhux affarijiet li nieħu pjaċir nitilfu l-ħin biex nitkellmu dwarhom”.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-fatt li din hija l-ewwel darba fl-istorja li Prim Ministru jinsab taħt inkjesta maġisterjali, Muscat irribatta billi qal “Il-kwistjoni kollha li qegħda taħt inkjesta huma l-allegazzjonijiet li ġew iffabrikati”.

Imma Muscat ma ċaħadx li jista’ jkun li hemm verità f’dak li qed jingħad għax qal li “Jekk kemm-il darba jinsab li l-affarijiet li qed jingħadu huma dak li huma, nieħu d-deċiżjonijiet politiċi tiegħi”.

“Il-provi jien qed inġibhom billi niġi hawn, billi tlabt inkjesta indipendenti mill-Maġistrat… il-prova tiegħi hija d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħi”, qal Muscat, mingħajr ma semma l-fatt li l-inkjesta ntalbet wara li l-bank Pilatus f’Ta’ Xbiex tbattal mid-dokumenti (ara hawn filmati ta’ NET News).