Internazzjonali

Franza: It-terrorista ta’ Pariġi kien mira ta’ investigazzjoni

Il-Pulizija Franċiża użaw xi dokumenti li tħallew f’karozza biex jidentifikaw aggressur li, fil-lejl tal-Ħamis, qatel membru tal-korp waqt sparatura f’Pariġi. Madankollu, l-awtoritajiet għad iridu joħorġu uffiċjalment isem l-aggressur li, skont rapporti, kien jgħix qalb is-subborgi tal-kapitali u li kien ‘magħruf’ bħala radikali Iżlamiku, bil-potenzjal li jwettaq azzjoni terroristika.

Ir-raġel ta’ 39 sena anki spiċċa jferi żewġ pulizija waqt l-attakk tal-bieraħ qabel inqatel mill-qawwiet tas-sigurtà fiz-zona ta’ Champs Elysees.Aktar tard, sorsi viċin il-grupp ISIS qalu li ‘l-attakk fil-kapitali Franċiża wettqu wieħed mill-ġellieda tiegħu’.

Issa sar magħruf ukoll li l-pulizija elevaw senter u numru ta’ skieken mill-karozza tal-aggressur li – minkejja nuqqas ta’ konferma mill-awtoritajiet – qed jissemma, mill-istampa, bħala Karim Cheurfi li kien residenti fis-subborg ta’ Chelles.

Dan ir-raġel, snin ilu, kien ikkundannat dwar attentat fuq il-ħajja ta’ pulizija Franċizi waqt sparatura oħra u kien skonta l-ħabs għal numru ta’ snin. Fi żvilupp ieħor, l-ISIS qalu li isem ‘l-armat tal-Ħamis’ fil-kapitali Franċiża kien Abu-Yusuf al-Balijiki.

L-aħħar rapporti qalu li raġel ieħor suspettat dwar rabtiet potenzjali mat-terrur tal-Ħamis, f’Pariġi, ċeda lill-pulizija fil-Belġju. Sadanittant, il-pulizija f’Pariġi arrestat tliet membri tal-familja tal-aggressur fil-kapitali Franċiża.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Franċiż, Bernard Cazeneuve, qal li l-qawwiet tas-sigurtà tal-pajjiż, fosthom it-taqsimiet elitisti, qed ikunu mobilizzati ‘bis-sħiħ’ qabel l-elezzjonijiet ta’ nhar il-Ħadd għall-Presidenza tal-pajjiż. Cazanueve, li kien qed jitkellem wara laqgħa ta’ emerġenza għall-membri tal-Kabinett, qal li l-awtoritajiet ma jistgħux jissugraw sitwazzjoni bil-kapaċità li tfixkel il-proċess demokratiku ta’ Franza.

Intant, osservaturi barranin ftit għandhom dubju li l-inċidenti qattiela tal-Ħamis, għada, se jkunu ‘fl-imħuħ tal-votanti Franċiżi’ li se jagħżlu l-President.