Il-Pulizija Ġermaniża ressqet akkużi kontra raġel suspettat b’sehem fl-attakk tal-11 ta’ April fuq ix-xarabank li kien qed iwasssal it-tim tal-futbol ta’ Borussia Dortmund lejn is-stadium lokali għall-ewwel fażi tal-kwarti-finali taċ-Champions League kontra t-tim Franċiż ta’ Monaco.
Intant, il-prosekuturi qalu li r-raġel mhux qed jinżamm fuq suspett dwar rabtiet mat-terroriżmu. Fil-fatt, is-suspettat qed jissemma bħala persuna midħla tan-negozju tal-borża u li kien qed jittama li jagħmel kemxa flus ġmielha f’każ li l-ishma fil-klabb ta’ Borussia kellhom jitilfu l-valur.
Is-suspettat ta’ 28 sena – identifikat biss bħala Sergej W – kien alloġġjat fl-istess lukanda tal-plejers ta’ Borussia Dortmund. Ingħad li ‘hu kien f’kamra li tħares direttament għal fuq it-triq fejn seħħew l-isplużjonijiet tal-bombi diretti kontra x-xarabank.’
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġermaniż, issa, qal li s-suspettat, li għandu nazzjonalità Ġermaniża u Russa, qed ikun akkużat b’attentat ta’ qtil; talli wettaq l-isplużjonijiet u talli kkaġuna sfreġju fiżiku serju.
Żewġ persuni kienu jeħtieġu intervent mediku wara li splodew tliet bombi qrib ix-xarabank. Id-difensur Spanjol ta’ Borussia, Marc Bartra, kellu jgħaddi minn kirurġija f’idejh b’konsegwenza ta’ splużjoni, b’uffiċjal tal-pulizija jispiċċa trattat għall-effetti tax-xokk.
Il-logħba (tal-ewwel leg) taċ-Champions League bejn Borussia Dortmund u Monaco kienet intlagħbet l-għada tad-data oriġinali, jiġifieri fit-12 ta’April, u wara li l-partitarji ta’ Dortmund litteralment ‘fetħu l-bibien tagħhom’ għall-partitarji Franċiżi li, b’konsegwenzi tal-attakk, iffaċċjaw problemi kbar ta’ akkommodazzjoni. Monaco kienu rebħu dan il-konfront, 3-2, bil-klabb Franċiż, din il-ġimgħa, jaċċerta mill-kwalifikazzjoni għas-semi-finali taċ-Champions League b’rebħa oħra ( 3-1) fuq Dortmund, fis-Stade Louis II Stadium.
Il-Pulizija anki damu żmien jitrattaw l-isplużjonijiet tal-11 ta’ April bħala attakk terroristiku, wara li nstabu ittri qrib is-sit li indikaw rabtiet mal-militanti tal-ISIS. Fil-fatt, il-pulizija, proprju l-għada tal-attakk, arrestaw Iraqi li ingħad li kellu ‘konnessjonijiet Iżlamiċi’ iżda l-investigaturi, ’il quddiem, xeħtu ‘dubju sinifikanti’ dwar kemm l-attakk fuq ix-xarabank tal-plejers kien motivat tassew mill-Jihad (gwerra qaddisa) li qed jiġġieldu l-militanti Iżlamiċi, fosthom l-ISIS.
Ingħad ukoll li l-ittri li nstabu fix-xena setgħu tħallew hemm ‘biex iqarrqu bin-nies rigward xi skop Iżlamista’.
//= $special ?>