Internazzjonali

Il-President tar-Russja jibgħat it-truppi lejn il-fruntiera mal-Korea ta’ Fuq

 

Il-President Russu, Vladimir Putin, qed jibgħat it-truppi u tagħmir militari lejn il-fruntiera ta’ pajjiżu mal-Korea ta’ Fuq. Dan meta Moska qed tinkwieta li l-Istati Uniti tista’ qed tħejji biex tattakka lir-reġim tal-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, fi Pyongyang.

Putin hu mħasseb dwar il-possibbiltà li azzjoni militari mill-Istati Uniti kontra l-Korea komunista twassal għal eżodu enormi ta’ refuġjati minn dan il-pajjiż.

Il-pass partikulari minn Moska qed jittieħed jiem wara rapporti li ċ-Ċina kienet qed tibgħat mal-150,000 suldat lejn il-fruntiera tan-nofsinar biex jikkontrollaw ‘xenarju potenzjali’ fejn mewġa ta’ nies jippruvaw jaqsmu mill-Korea ta’ Fuq taħt kundizzjonijiet ta’ gwerra.

Issa, qed joħorġu filmati dwar kif Putin qed jirrinforza l-fruntiera ta’ pajjiżu mal-Korea ta’Fuq u fejn spikkat rilokazzjoni ta’ truppi u tagħmir militari. Filmat partikulari wera, fost oħrajn, ferrovija qed twassal it-tankijiet tal-gwerra lejn il-fruntiera fix-xlokk imbiegħed tar-Russja.

Jidher li żdiedet ukoll il-preżenza ta’ ħelikopters militari tar-Russja fiz-zona, fost il-movimenti kontinwi lejn il-fruntiera mal-Korea ta’ Fuq. Fl-istess waqt, qed joħorġu filmati dwar il-manuvri tal-vetturi tal-Armata Russa fl-inħawi ddominati mill-aħrax.

Sadanittant, il-movimenti tat-truppi u t-tagħmir kienu mfissra bħala ‘miżura preventiva iżda neċessarja’. Kelliema f’Moska qalu wkoll li l-movimenti inkwistjoni jfissru ‘li l-awtoritajiet tar-Russja jinsabu aġġornati u qegħdin jieħdu l-passi xierqa fiċ-ċirkustanzi’.

Filwaqt li żdiedet il-biża’ li r-Russja, f’każ ta’ konflitt, ikollha tiffaċċja eżodu umanitarju mill-Korea ta’ Fuq hemm ukoll fattur ieħor li qed iqanqal jerġa’ aktar inkwiet f’Moska u ‘il hinn minnha.

Dan għaliex Vladimir Putin hu konxju li, f’każ li l-militar tal-Istati Uniti jolqtu lill-faċilitajiet nukleari ta’ Kim Jong-un, il-kontaminazzjoni sussegwenti kapaċi tilħaq l-inħawi tar-Russja fi ftit ħin, fost il-kongwenzi katastrofiċi.