Ilbieraħ filgħaxija ħarġet l-aħbar li l-kumpanija Egrant hi tal-mara tal-Prim Minsitru Joseph Muscat, Michelle Muscat, mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Filfatt, l-artiklu żvela li fil-kont tal-bank tal-kumpanija Egrant għaddew pagamenti li jammontaw għal mhux anqas minn miljun Ewro u li f’dan kollu kien involut il-bank Pilatus Bank.
Ftit tal-ħin wara li ġew żvelati dawn id-dettalji, jidher li s-sit onlajn ta’ Pilatus Bank twaqqa’ u ma kienx għadu possibbli li wieħed jaċċessah.

Filfatt, ilbieraħ, waqt il-programm speċjali fuq Net News ġie żvelat ukoll li qabel waqa’ dan is-sit, fuqu kien hemm kemm il-profili tal-ħaddiema ta’ Pilatus Bank u kif ukoll profil u filmat li fih jidher is-sid ta’ Pilatus Bank Seyed Ali Sadr Hasheminejad hekk kif jidher hawn taħt:


Madanakollu, wara li s-sit għamel xi ħin li ma kienx possibbli li jiġi aċċessat, issa jidher li s-sit reġa tela’ onlajn. Madanakollu din id-darba s-sit ħa xejra differenti hekk kif kemm il-profili tas-sid ta’ Pilatus Bank, Seyed Ali Sadr Hasheminejad u anki l-profile tal-accountant tal-bank, Antonella Gauci m’għadhomx jeżistu fuq dan is-sit. Apparti minn hekk ukoll, il-filat li fih kien jidher Seyed Ali Sadr Hasheminejad issa sparixxa wkoll.

Kemm is-sid tal-bank u kif ukoll l-accountant inqabdu fuq filmati miġbuda min-Net News waqt li kienu ħerġin mill-binja ta’ Pilatus Bank f’Ta Xbiex. Filfatt, f’dan il-filmat it-tnejn jidru mixjien bil-bagalji f’idejhom, bagalji li qed jitqiesu suspettużi.
