#muscatgate Lokali

FILMAT: “Inħossni ttradut u nkwetat għall-futur ta’ pajjiżna” – Simon Busuttil iħabbar dimostrazzjoni nazzjonali

Dimostrazzjoni Nazzjonali nhar il-Ħadd fil-Belt Valletta

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil sejjaħ dimostrazzjoni nazzjonali għal nhar il-Ħadd li ġej, fil-Belt Valletta, biex il-poplu jkun jista’ jesprimmi d-dieqa tiegħu wara li ġie tradut mill-Prim Ministru u l-Gvern Laburista.

Ħabbar dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li waqt konferenza tal-aħbarijiet iddeskriva dak li seħħ ilbieraħ, bl-aħbar li Egrant hi tal-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat, bħala xi ħaġa drammatika li qatt ma rajna bħalha.

Fakkar li ladarba ħareġ li l-kumpanija sigrieta Egrant hi tal-mara tal-Prim Ministru, fejn daħlu iktar minn miljun ewro fi flus mill-Ażerbajġan, allura din teknikament hi wkoll tal-Prim Ministru stess.

Simon Busuttil fakkar kif il-Prim Ministru għall-ewwel qal li “allaħares nagħmlu investigazzjoni, għax is-servizzi finanzjarji jkunu f’riskju.” Fl-istess ħin, is-sid ta’ Pilatus u ħaddiema oħra dehru joħorġu minn Pilatus Bank, f’Ta’ Xbiex.

Iżda wara li seħħ dan, il-Prim Ministru talab inkjesta Maġisterjali. Għalhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat formalment jinsab taħt Inkjesta Maġisterjali. Fid-dawl ta’ dan Simon Busuttil appella lid-deputati tal-Partit Laburista biex ikunu huma li jneħħu lill-Prim Ministru li jinsab taħt sħaba ta’ korruzzjoni, ladarba hu stess ma għamilx dan.

“L-istituzzjonijeit ta’ pajjiżna huma paralizzati għax jew huma taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru jew qed jibżgħu jinvestigawh. “Kif nistgħu nserrħu rasna li ssir investigazzjoni?” staqsa Simon Busuttil. Kompla li hu ta’ għajb kbir li f’dan il-waqt, il-Kummissarju kien għaddej b’fenkata, minflok immedjatament bagħat lill-uffiċjali tiegħu, fil-preżenza ta’ Maġistrat, f’Pilatus Bank biex jissekwestraw id-dokumenti kollha minflok ħallew lis-sid jaħrab b’bagalja mimlija dokumenti fis-satra tal-lejl.

Simon Busuttil qal li l-Avukat Ġenerali, l-MFSA, l-FIAU u s-servizzi sigrieti ta’ pajjiżna għandhom jiċċaqalqu, waqt li hemm bżonn tingħata protezzjoni lil min qed jikxef id-dettalji.

“Bil-Prim Ministru taħt Inkjesta Maġisterjali, pajjiżna jinsab taħt kriżi politika u kostituzzjonali. Pajjiżna qed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minnha biex jirreaġixxi,” kompla Simon Busuttil, li ħabbar dimostrazzjoni nazzjonali għal nhar il-Ħadd wara nofsinhar fil-Belt Valletta.