Sport Sport Ieħor

Jude Amin Utulu magħżul għal fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-Beach Soccer

Jude Amin Utulu

Ir-referee internazzjonali tal-Beach Soccer Jude Amin Utulu, illum ħalla Malta għall-Bahamas fejn ser ikun wieħed mill-24 referee minn 24 pajjiżi differenti mis-sitt Konfederazzjonijiet, li jikkontrollaw il-logħbiet tal-FIFA Beach Soccer World Cup Bahamas 2017 li se jsiru bejn is-27 ta’ April u s-7 ta’ Mejju.  Il-logħbiet kollha se jintlagħbu fin-National Beach Soccer Arena f’Malcom Park, Nassau.

Sittax-il nazzjon maqsuma f’4 gruppi se jilagħbu l-fażi ta’ kwalifikazzjoni, bl-ewwel żewġ timijiet minn kull grupp jilagħbu l-kwarti tal-finali, segwiti mis-semifinali li t-telliefa tagħhom jilagħbu għat-tielet post filwaqt li r-rebbieħa jikkontestaw l-aħħar partita biex jiġi dikjarat it-tim li wasal fil-quċċata finali.

Il-FIFA Beach Soccer World Cup din is-sena se tkun innovattiva: il-Bahamas se jospita t-Tazza tad-Dinja, u għall-ewwel darba se tintlagħab fir-reġjun tal-CONCACAF. Din il-gżira fil-Karibew għandha ramliet uniċi, u kultura sinjura li jmorru id f’id mal-ospitalità tal-abitanti passjonati li, naturalment, isegwu immens dan l-isport.