Futbol Sport

Magħrufa s-semifinalisti tal-UEFA Champions League

Ix-xenarju qabel il-poloz tal-UEFA Champions League

Wara l-partiti tal-kwarti tal-finali li ntlagħbu t-Tlieta u l-Erbgħa, ftit tal-ħin ilu f’Nyon saru magħrufa s-semifinalisti tal-UEFA Champions League.

Real Madrid u Atletico Madrid se jkunu qed jiltaqgħu kontra xulxin f’ripetizzjoni tal-finali tas-sena l-oħra. B’hekk dan id-derby Madrilen, se jassigura li fil-finali se jkun hemm tim Spanjol għal sena oħra.

Dan se jkun il-ħames konfront bejn iż-żewġ timijiet fl-Ewropa. Real Madrid rebħu erba’ konfronti filwaqt li Atletico kienu rebħu l-konfront l-ieħor fis-semifinali tal-1958/59. Din se tkun id-disa’ darba li timijiet mill-istess pajjiz se jilagħbu kontra xulxin mal-aħħar erbgħa.

Fis-semifinali l-oħra, ir-rivelazzjoni tal-kompetizzjoni Monaco, se jibdew f’darhom kontra Juventus, friski mis-suċċess kontra Barcelona. Iż-żewġ timijiet diġà ltaqgħu fis-semifinali tal-kompetizzjoni fl-istaġun 1997/98. Dakinhar, Juventus kienu kkwalifikaw b’aggregate ta’ 6-4 wara li kienu rebħu 4-1 f’darhom u tilfu 3-2 fi Franza. Sentejn ilu, fi triqthom lejn il-finali, Juventus kienu għelbu wkoll lil Monaco din id-darba fil-kwarti tal-finali.

L-ewwel leg tal-partiti jintlagħbu fit-2 u t-3 ta’ Mejju filwaqt li l-partiti ta’ ritorn jintlagħbu ġimgħa wara.

Poloz

Real Madrid v Atletico Madrid

Monaco v Juventus