Futbol Sport

Penalità ta’ ħames punti u multa ta’ €5,000 għal Mosta

Tyrone Farrugia jbiegħed il-periklu minn fuq il-linja fil-logħba ta' Mosta kontra Tarxien Rainbows (Ritratt: Martin Agius)

Sanzjonijiet kontra l-klabb talli kiser ir-Regulations on the Status and Transfer of Players

Waqt seduta li saret aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Bord tal-Kontroll u Dixxiplina tal-Malta Football Association ra l-akkuża miġjuba kontra Mosta FC talli l-klabb effetwa pagamenti illegali lil wieħed mill-plejers tiegħu meta dan kien reġistrat mal-MFA bħala ‘amateur’.

Wara li analizza d-dokumenti u anke sema’ x-xhieda tar-rappreżentant tal-klabb, il-Bord tal-Kontroll u Dixxiplina kkonkluda li l-ħlas li kien qed isir lill-plejer konċernat kien effettivament salarju u ma kienx xi ‘reimbursement of expenses’ bi ksur tar-regolamenti tal-Istatus and Transfer of Players tal-MFA.

Għaldaqstant, il-Bord impona tnaqqis ta’ ħames punti mit-total li Mosta FC għandhom fil-kampjonat waqt li l-klabb kien anke mmultat €5,000.

Mosta FC għandhom dritt jappellaw din id-deċiżjoni.

Il-Prosekutur tal-MFA kien ħareg l-akkuża imsemmija kontra Mosta FC fuq il-bażi tar-rapport imħejji mill-Bord tal-Inkjesta tal-MFA dwar allegat użu ta’ dokumenti u firem falsifikati fl-applikazzjonijiet għal work permit ta’ plejers minn pajjiżi non-EU mill-istess klabb.

Il-Bord tal-Inkjesta kien sab li l-irregolaritajiet imsemmija kienu seħħew u għamel bosta rakkomandazzjonijiet lill-Assoċjazzjoni biex jiżdied il-livell ta’ skrutinju għal dawn lapplikazzjonijiet.