#muscatgate Lokali

FILMAT: ‘No comment’ dwar informazzjoni li l-Pulizija ħallew lill-Iranjan biss jidħol għall-bagalji

NET News b'informazzjoni li l-Ħamis intbgħatu l-Pulizija... mhux biex jissiġillaw Pilatus Bank, imma biex ma jidħol ħadd ħlief l-Iranjan. Wara deher ħiereġ b'żewġ bagalji.

Il-Kummissarju tal-Pulizija llejla qal li m’għandux kummenti meta mistoqsi dwar informazzjoni li rċieva NET News u li tgħid li nhar il-Ħamis li għadda, il-Pulizija ngħataw struzzjonijiet biex ma jħallu lil ħadd jidħol f’Pilatus Bank f’Ta’ Xbiex ħlief lil sid il-bank.

Skont l-informazzjoni li għandu NET News, il-Ħamis filgħaxija, hekk kif ġie żvelat mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li ‘Egrant’ hija tal-mara tal-Prim Ministru, intbgħatu Pulizija pajżana quddiem il-bank Pilatus f’Ta’ Xbiex… mhux biex jissiġillaw il-bank għall-evidenza, iżda biex jaraw li ħadd ma jidħol ħlief sid il-bank.

Maħsud bil-cameras ta’ NET News barra klabb fejn kienet qed tintwera logħba futbol, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar wieġeb “m’għandix kummenti x’ngħaddi” meta mistoqsi dwar din l-informazzjoni ġdida li qed jiżvela NET News. Il-Kummissarju rrifjuta wkoll li jirrispondi mistoqsijiet oħra, fosthom għaliex dam tnax-il siegħa biex jieħu azzjoni dwar dak li seħħ u x’ħin tkellem mal-Prim Ministru l-ewwel darba l-Ħamis filgħaxija.

Sid il-bank, l-Iranjan Seyed Ali Sadr deher ħiereġ minn ’emergency exit’ ta’ Pilatus Bank nhar il-Ħamis filgħaxija akkumpanjat minn uffiċjal tal-bank. Miegħu kellu żewġ bagalji. Fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, telqet titjira misterjuża lejn l-Ażerbajġan. Ali Sadr kien iffaċċjat minn crew ta’ NET News, li qabdu ħiereġ mill-bank bil-bagalji.

Intant, illejla, il-crew ta’ NET News kien mgħajjar minn persuna li ma ħax pjaċir li NET News kien qed jagħmel il-mistoqsijiet lill-Kummissarju.

Dan huwa dak li ġara nhar il-Ħamis, meta crew ta’ NET News qabad lil sid il-bank Pilatus ħiereġ mill-binja fis-satra tal-lejl b’żewġ bagalji.

ESKLUSSIVA BIL-FILMAT: Persuni jaħarbu mill-binja ta’ Pilatus; ma jwieġbux lil Net News