Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, hu spjega dak kollu li ġara f’dawn l-aħħar jiem hekk kif Joseph Muscat jum wara jum qed jinqabad jigdeb fir-reazzjonijiet tiegħu għall-iskandlu tal-Panama Papers li ħakem lill-Gvern Laburista.
Simon Busuttil spjega li l-Prim Ministru għandu kunflitt ta’ interess enormi dwar l-aħbar li żvelat Daphne Caruana Galizia – dik li l-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat hi s-sid tal-kumpanija sigrieta fil-Panama – Egrant Inc. Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jiżgura li l-investigazzjoni ssir bis-serjeta’ sakemm hu jibqa’ f’dik il-kariga. Dan minħabba li l-Prim Ministru għandu l-obbligu li jagħmel dak li hu l-aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi, dik li toħroġ il-verita’ – iżda minn naħa l-oħra hu l-istess persuna li qed jiġi investigat. Simon Busuttil sfida lil Joseph Muscat u staqsieh: “Kif se jagħtina konferma li se jkun imparzali?”
Simon Busuttil qal li jekk l-investigazzjoni ssir bis-serjeta’, r-riżultat li joħroġ minnha se jkun kontrih – għaldaqstant il-Prim Ministru ma jaqbillux li din l-investigazzjoni ssir bis-serjeta’. B’kunflitt ta’ interess bħal dan, Joseph Muscat ma jistax jibqa’ fil-kariga ta’ Prim Ministru, stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jgħid li jrid il-provi mingħandu. Joseph Muscat qal li jekk m’għandux provi li l-kumpanija Egrant hi ta’ Michelle Muscat – din l-istorja mhux minnha. Iżda Simon Busuttil stqarr li l-affarijiet mhumiex daqshekk sempliċi daqs kemm jixtieqhom Joseph Muscat. Simon Busuttil qal li r-responsabbilta’ li jinstabu l-provi hija tal-Prim Ministru Joseph Muscat – għaliex hu l-Prim Ministru u jrid jħares l-interess tan-nazzjon. “Ir-responsabbilta’ qegħda f’idejh” – stqarr Simon Busuttil.
//= $special ?>