Il-UĦM titlob għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija
Il-UĦM Voice of the Workers ħabbret li għada ser tipparteċipa fil-Protesta Nazzjonali msejħa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil minħabba l-avvenimenti ripetuti f’dawn l-aħħar xhur u snin fejn qed ikun hemm allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni.
Il-UĦM Voice of the Workers tinnota li “‘l bogħod mill-allegazzjonijiet li qed isiru, jidher biċ-ċar li l-istituzzjonijiet ta pajjiżna inkarigati milli jinvestigaw tali allegazzjonijiet mhux qed jerfgħu r-responsabiltajiet tagħhom sabiex jagħtu sodisfazzjon lill-poplu li xi ħadd qed jagħmel xi ħaġa. Huma mhux qed jassiguraw li jagħtu is-serħan tal-moħħ liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li dawn tal-aħħar ikollhom moħħhom mistrieħ mill-imparzjalità u li tali azzjonijiet isiru kif suppost u fil-ħin.”
L-istess Union tkompli li “tali fiduċja kollettiva ta’ nazzjon tidher li qed tixxejjen u li iżjed ma jmur iż-żmien qed jirrenja s-sentiment li l-liġi mhux għal kullħadd l-istess. Dan laħaq l-qofol tiegħu meta, nhar il-Ħamis, il-Kummissarju tal-Pulizija naqas milli jaġixxi, kif bi dmir kellu jagħmel, fuq avvenimenti ta’ tħassib li kienu qed jiġu segwiti min-nazzjon kollu. Dehret kbira d-djufija ta’ istituzzjoni bħal dik tal-Pulizija li ħalliet l-avvenimenti jiżvolġu mingħajr intervent f’waqtu.”
Hu għalhekk li l-UĦM Voice of the Workers fissret l-azzjoni li ttieħdet bħala waħda ta’ ftit wisq u tard ħafna u tistenna li l-Kummissarju tal-Pulizija jagħti r-riżenja tiegħu.
Tkompli li għaldaqstant kull persuna inkarigata mit-tmexxija ta’ waħda mill-istituzzjonijiet li għandha l-għan li tissalvagwardja l-interessi tar-Repubblika ta’ Malta għandha iġġib quddiem għajnejha l-ġurament tal-lealtà u jekk tħoss li m’għadhiex f’pożizzjoni li twettaq l-istess ġurament allura għandha twarrab mill-kariga.
F’dan l-isfond il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella kompla jgħid li “inthom li qegħdin f’xi kariga u ħadtu il-ġurament tal-lealtà fejn tlabtu li Alla jgħinkhom u solennement ħliftu li tkunu fidili u leali lejn il-poplu u r-Repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni ta Malta, issa huwa l-waqt li tagħmlu dan.”
Waqt li eluf ta’ persuni diġa kkonfermaw li se jattendu għal din il-protesta Nazzjonali, kkonfermaw li se jattendu wkoll l-eks Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Michael Briguglio u l-eks Deputat Laburista Marlene Farrugia.
//= $special ?>FILMAT: Kull min iħobb lill-pajjiżna għandu jattendi id-dimostrazzjoni! – Michael Briguglio