Il-Ministeru tad-Difiża fl-Afganistan ikkonferma li ‘il fuq minn 100 suldat Afgan inqatlu jew sfaw midruba waqt attakk, sigħat ilu, mill-militanti Iżlamiċi tat-Taliban fuq bażi tal-Armata viċin il-belt ta’ Mazar e Xarif.
L-attakk seħħ matul il-lejl tal-Ġimgħa meta l-aggressuri mmiraw kontra l-militar li kienu ħerġin minn moskea fil-kumpless tal-bażi. Dan waqt li militanti oħrajn li kienu armati sa snienhom attakkaw gruppi tas-suldati li kienu ġo canteen fl-inħawi.
Il-ġellieda Talibani kienu lebsin l-uniformijiet tas-suldati meta wettqu dan l-attakk u anki rnexxielhom isuqu minn checkpoints fil-bażi, bir-riżultat li qabdu ħafna mis-suldati fuq sieq waħda. Il-ġlied fil-bażi dam għaddej għal diversi sigħat u wara, it-Taliban ħareġ stqarrija fejn assuma responsabbiltà għall-azzjoni.
Ir-rapporti qalu li fl-attakk, it-Talibani użaw ukoll aggressuri suwiċida bl-isplussivi marbuta magħhom. Filwaqt li ċ-ċifri tal-mejtin qegħdin jinbidlu minn ħin għall-ieħor, l-awtoritajiet Afgani qegħdin jiċħdu rapporti inizjali li rreferew għall-qtil ta’ 150 suldat waqt l-attakk.
Il-kommandos tal-Armata Afgana, maż-żmien, irnexxielhom jikkontrollaw is-sitwazzjoni fil-bażi iżda kelliema għall-militar tal-Istati Uniti qalu li r-rejd tat-Talibani kien wieħed sinifikanti li jqajjem lok għal inkwiet partikulari fl-Afganistan.
//= $special ?>