Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lbieraħ lill-Prim Ministru Joseph Muscat f’dibattitu fuq l-istazzjoni nazzjonali, biex jitlaq issa u ma jagħmilx aktar ħsara jekk għandu l-iċken rispett għal pajjiżu, għall-istituzzjonijiet tagħna u għall-partit tiegħu.
Id-dibattitu tal-bieraħ ta’ madwar sagħtejn fuq il-programm ‘Xarabank’ fuq TVM immexxi minn Peppi Azzopardi, kien it-tieni dibattitu bejn il-mexxejja taż-żewġ partiti l-kbar wara tliet snin hekk kif l-ewwel wieħed kien sar f’Marzu 2014.
Kien f’Novembru li għadda li t-tim ta’ Xarabank bagħat stedina liż-żewġ mexxejja filwaqt li Simon Busuttil aċċetta mill-ewwel u kien skedat li jkun fil-programm tal-bieraħ, il-Prim Ministru ma kienx laqa’ l-istedina imma lbieraħ filgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li jrid dibattitu waqt il-programm Xarabank.
Simon Busuttil ikkritika bil-qawwa lill-Prim Ministru Joseph Muscat li ried l-inkjesta wara li nħarġu l-bagalji bil-provi minn Pilatus Bank u issa Muscat qed jippretendi li l-Kap tal-Oppożizzjoni jġib il-provi.
Il-Kummissarju tal-Pulizija, minflok fenkata, kien messu mill-ewwel ordna li jissiġilla lil Pilatus Bank u mhux iħalli ħafna ħin jgħaddi biex il-provi jilħqu jitneħħew.
Muscat gideb dwar is-sħubija fl-UE u hu l-PM tal-Café Premier u tal-iskandlu ta’ Gaffarena
Fl-ewwel intervent tad-dibattitu, Simon Busuttil esprima solidarjetà mal-ġurnalist tat-Times of Malta, Jacob Borg, li safa’ aggredit minn persuni li kienu mal-Ministru Konrad Mizzi. Hu qal li hu sejjaħ dimostrazzjoni nazzjonali nhar il-Ħadd għax il-pajjiż jinsab fi kriżi għax il-Prim Ministru jinsab taħt investigazzjoni. Hu fakkar li wara li rebaħ l-elezzjoni b’36,000 vot, hu u sħabu marru jiftħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, fosthom Keith Schembri, u Konrad Mizzi u qalu li se jpoġġu fihom miljun ewro fis-sena.
Issa sirna nafu li l-kumpanija l-oħra hi tal-mara tal-Prim Ministru jew tal-Prim Ministru stess, għax huma miżżewġin, u hemm allegazzjoni li rċeviet fiha miljun ewro mill-Ażerbajġan u l-Prim Ministru suppost bħalissa qiegħed id-Depot tal-Pulizija biex ikun investigat. Hu qal li n-nies se jibagħtu messaġġ li huma diżgustati u appella lill-Prim Ministru biex jirriżenja. Qal li d-dimostrazzjoni nazzjonali tal-Ħadd se tkun għal kulħadd u fost dawk li aċċettaw li jattendu hemm Marlene Farrugia u Michael Briguglio.
Simon Busuttil: Il-Kummissarju tal-Pulizija, minflok fenkata kien messu mill-ewwel ordna li jissiġilla lil Pilatus Bank u mhux iħalli ħafna ħin jgħaddi biex il-provi jilħqu jitneħħew
Joseph Muscat kien mistoqsi għala l-Pulizija ma marrux fil-Bank Pilatus mill-ewwel wara li ħarġet l-istorja u ħallew aktar minn 12-il siegħa. Hu qal li hu talab lill-Maġistrat li jagħmel inkjesta dwar l-allegazzjonijiet li qed isiru mill-Oppożizzjoni. Hu sfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex iġib il-provi. Hu qal li transazzjonijiet bankarji huma reġistrati u ma jitħassrux. Qal li mhux veru hemm xi safe fil-kċina ta’ Pilatus Bank.
Simon Busuttil qal li n-nies qegħdin jiġġudikaw lill-Prim Ministru skont kif iġib ruħu hu. Hu qal li l-prova qiegħda fir-reazzjoni tiegħu għax l-ewwel qal li mhux se jagħmel inkjesta imma mbagħad ħabbarha meta laħqu ħarġu nies b’bagalji f’idhom minn Pilatus Bank, fosthom is-sid tal-bank. Hu staqsa x’fihom il-bagalji li ħarġu bihom in-nies. Hu qal li l-provi qegħdin fil-mod kif saru l-affarijiet u wara li ħarġu l-provi mill-bank, il-Prim Ministru qal li issa se jagħmel inkjesta. Minflok il-Kummissarju tal-Pulizija ssiġilla l-bank, mar fenkata u meta talbu l-Prim Ministru, iċċaqlaq. Hu qal li ma’ Ġanni tan-nagħaġ f’Għawdex il-Pulizija ilhom sena għassa, imma ma’ Pilatus Bank, il-Pulizija m’għamlitx għassa.
Joseph Muscat qal li hu joqgħod attent biex ma jippreġudikax is-servizzi finanzjarji f’pajjiżna. Qal li t-transfers finanzjarji huma rekordjati barra minn Malta. Hu staqsa jekk Simon Busuttil wasalx għal deċiżjoni bla ma kellu l-provi. Mistoqsi għaliex dam daqshekk, qal li rreaġixxa malli ħarġet l-istorja u wara li mar ċelebrazzjoni tal-power station tal-Marsa ordna li ssir inkjesta u l-Maġistrat mar fil-Bank fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Hu qal li l-Maġistrat għandu aċċess għar-rekords kollha tal-bank.
Il-prova qiegħda fl-aġir tal-Prim Ministru għax l-ewwel qal li mhux se jagħmel inkjesta imma mbagħad ħabbarha meta laħqu ħarġu nies b’bagalji f’idhom minn Pilatus Bank
Simon Busuttil qal li Joseph Muscat l-inkjesta issa jridha wara li ħarġu bil-bagalji bil-provi minn Pilatus Bank u issa l-PM qed jippretendi li hu jġib il-provi. Hu qal li kieku hu kien il-Kummissarju tal-Pulizija, minflok fenkata, kien jissiġilla lil Pilatus Bank. Qal li Pilatus Bank mhux l-HSBC, jew il-BOV imma dawn marru f’Bank li s-sid tiegħu hu xi ħadd mill-Iran u kien reġistrat ftit wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Simon Busuttil qal li hu jaf lil Joseph Muscat li ġideb dwar is-sħubija fl-UE, hu l-Prim Ministru ta’ Café Premier, tal-iskandlu ta’ Gaffarena u anke fuq investigazzjoni ta’ traffikar ta’ droga f’Għawdex qabbad ekskandidat biex jinvestiga. Gideb ukoll dwar ta’ min hi Egrant għax l-ewwel qal li ma jafx ta’ min hi, imbagħad qal li hi ta’ Brian Tonna imma issa hemm allegazzjonijiet serji dwar ta’ min verament hi.
Joseph Muscat qal li Simon Busuttul għandu jitkellem mar-regolatur dwar is-servizzi finanzjarji li joħroġ il-permessi għal banek u qal li hu qatt ma ndaħal lil min jagħti liċenzja. Hu staqsa jekk it-transcript tas-suppost dokument, Simon Busuttil iridx jagħmilha tiegħu.
Simon Busuttil qal li Malta suppost għandna istituzzjonijiet biex jinvestigaw u llum flok iservu lin-nies, qed iservu lill-Prim Ministru. Staqsa jekk Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tiegħu, għandux kont fil-Pilatus Bank jew le.
Mistoqsi għaliex meta mar l-Ażerbajan ma ħax midja miegħu, Muscat qal li ma kienx hemm midja għax kienet qed issir tibdila fis-sistema kif jitilgħu l-ġurnalisti.
Simon Busuttil qal li hu ma jemminx lil Joseph Muscat għax tilef il-krettu kollu man-nies. Meta ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers qal li dan mhux veru u ħareġ li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom kontijiet sigrieti fil-Panama u l-Prim Ministru messu keċċiehom, imma ma keċċihomx. Staqsa għaliex l-investigazzjoni tal-FIAU ma ssemmietx aktar u fakkar li piena ta’ ħasil ta’ flus hi ta’ 18-il sena ħabs. Hu wiegħed li kull min hu involut fl-iskandlu jkun investigat minn Gvern Nazzjonalista ġdid.
Joseph Muscat qal li Busuttil jista’ jinvestiga l-invoices li skont hu huma foloz u jinvestiga lil Beppe Fenech Adami li għandu miljuni. Hu rrefera għad-dokument li ppubblikat Daphne Caruana Galiza dwar shares li martu suppost għandha. Hu qal li Egrant iġġib indirizz f’San Ġwann u qal li suppost l-indirizz hu fil-Panama. Hu qal li għandu ċertifikat li l-kumpanija ngħatat lil Brian Tonna f’Awwissu 2013 u ntqal li nbiegħet lil martu f’Awwissu 2015. Hu akkuża li qed issir falsifikazzjoni tad-dokumenti.
Simon Busuttil qal li hu Malti u jixtieq li pajjiżna jkollu Prim Ministru li meta jiġru dawn l-affarijiet, l-istuzzjonijiet jaġixxu. Hu qal li fil-bidu Muscat kien jimpressjona imma din il-logħba m’għadhiex tgħodd. Qal li hemm email li l-kumpanija mhix ta’ Brian Tonna u mhix għalih. Joseph Muscat m’għamlilx inkjesta maġisterjali dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri. Hu qal li Joseph Muscat ħammeġ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u ħameġġ lil Kastilja.
Joseph Muscat staqsa għaliex isem il-mara tiegħu ma kienx issemma fil-Panama Papers. Hu qal li l-elezzjoni tiġi fi ftit xhur oħra u n-nies qed jiġġudikawh u qal li għax Simon Busuttil ma jistax jasal bl-ebda mod, il-bomba se taqa’ fuq Tal-Pietà.
Simon Busuttil qal li l-kwistjoni hi l-Prim Ministru għandux kredibbiltà u qal li t-tielet kumpanija issa hemm allegazzjonijiet li hi ta’ mart il-Prim Ministru.
Dwar minn fejn se jġibu miljun ewro biex jitfgħuhom fil-kumpanija, Joseph Muscat ma weġibx. Hu qal Simon Busuttil iddisprat għall-poter u akkużah li qed iħammeġ lill-familja tiegħu. Qal li hu neħħa lil Konrad Mizzi minn Ministru u minn Deputat Mexxej Laburista.
Simon Busuttil: F’Malta suppost għandna istituzzjonijiet biex jinvestigaw u llum flok iservu lin-nies, qed iservu lill-Prim Ministru.
Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru kellu opportunità tad-deheb li jibgħat lill-Pulizija f’Pilatus Bank imma minflok ħalla lis-sid jidħol il-Bank, joħroġ il-provi u issa jrid li Simon Busuttil iġib il-provi. Hu qal li l-Prim Ministru qed juża l-mara u t-tfal biex jiġbed is-simpatija imma membru tal-istaff tiegħu jtella’ blogs moqżieża dwar is-sieħba tiegħu Kristina li minkejja li kienet għaddejja minn żmien diffiċli, dan xorta baqa’ jikteb kliem moqżież dwarha.
Il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista għamel żbalji u għamel apoloġija jekk kien hemm xi każ simli. Qal li ilu jumejn bil-cameramen jiġru wara martu u wliedu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li l-indirizz tal-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u ta’ Ketih Schembri għandhom l-istess indirizz ta’ Egrant.
Simon Busuttil qal li hu jaqbel li l-familji jitħallew barra mill-politika għax hu qatt ma attakka lil xi ħadd b’mod familjari.
Il-Kap tal-PN qal li suppost qed jitkellmu dwar dawk li għandhom bżonn kura tal-kanċer u dwar dawk li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja. Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru ma ħax azzjoni dwar l-iskandlu tal-Panama u llum m’għadux jitwemmen. Fakkar li l-Prim Ministru għandu l-poteri u jekk l-istituzzjonijiet ma jiffunzjonawx, hi responsabbiltà tiegħu. Fakkar li meta kien hemm il-każ ta’ ndħil ta’ żewġ Ministri fil-każ tat-traffikanti tad-droga, qabbad ekskandidat biex jinvestiga u dan jinkwetah għax Joseph Muscat qed jiddefendi lil dawk li jittraffikaw id-droga u mhux lill-vittmi tad-droga.
Joseph Muscat qal li meta faqqa’ l-iskandlu tal-Panama Papers qal li hu kien qal li l-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri kienu dikjarati. Qal li wieħed irid iġib il-provi u qal li l-Pulizija daħlu fl-iktar ħin kmieni biex jinvestigaw lil Pilatus Bank. Hu qal li taħt dan il-Gvern inqabdet l-ikbar qabda tad-droga f’Malta.
Simon Busuttil qal li dak li qalet is-sena li għaddiet Daphne Caruana Galizia fuq il-Panama Papers kien korrett. Qal li l-fatt li l-Prim Ministru jinsab taħt investigazzjoni, kisser il-fiduċja f’pajjiżna u għandu jitlaq immedjatament. Qal li l-inkjesta li saret dwar id-droga f’Għawdex hi fażulla għax min investiga ma bagħatx għan-nies li suppost investiga u ma tteħdux passi dwar traffikar, imma dwar pussess. Hu qal li minflok iddefenda lil uliedna, il-Prim Ministru ddefenda lit-traffikanti tad-droga. Hu spjega li isem il-mara tal-Prim Ministru ma deherx għax fl-email li ħarġet kien hemm it-tielet persuna, li hi individwu importanti li ismu kellu joħroġ permezz ta’ Skype. Staqsa ta’ min jista’ jkun l-isem iktar importanti minn Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Joseph Muscat qal li fil-każ ta’ Għawdex, il-persuni li tressqu, tressqu fuq traffikar. Hu ċaħad li ltaqa’ ma’ Dr Vassallo, li mexxa l-inkjesta qabel ma kienet ippubblikata l-inkjesta.
Simon Busuttil qal li l-inkjesta tant kienet fażulla li Dr Vassallo lanqas biss bagħat għaż-żewġ Ministri qabel tlestiet l-inkjesta dwar traffikar tad-droga f’Għawdex.
Fil-konklużjoni, Simon Busuttil feraħ lill-programm Xarabank li ġabar żewġ miljun ewro għall-ALS imma l-Prim Ministru nefaq żewġ miljuni f’safar. Hu qal li pajjiżna jista’ jimxi aħjar jekk ma jkollniex il-korruzzjoni u l-istil ta’ gvernar ta’ Joseph Muscat li ma jixraqlux jibqa’ Prim Ministru. Hu appella biex nhar il-Ħadd kulħadd jingħaqad fil-forza nazzjonali biex l-iktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna jingħeleb. Hu qal li n-nies iridu li f’dan il-pajjiż issir ġustizzja u kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà.
Simon Busuttil qal li Joseph Muscat ma spjegax għaliex il-Ħamis filgħaxija ma ordnax lill-Pulizija biex jissiġillaw Pilatus Bank u jekk jafx lis-sid ta’ Pilatus Bank. Il-Prim Ministru ma qalx għaliex ir-rapport tal-FIAU ma kienx ippubblikat u għala ma saritx investigazzjoni dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Il-Prim Ministru qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma ġabx provi u qal li hu jaf lis-sid ta’ Pilatus Bank bħalma jaf lil persuni oħrajn f’dan is-settur. Hu qal li l-faqar naqas bin-nofs u hawn is-surplus. Appella biex fl-1 ta’ Mejju l-poplu Malti jingħaqad biex jiċċelebra dan is-suċċess.
//= $special ?>