#muscatgate Lokali

MUSCAT FIL-QORTI – “No comment” dwar Keith Schembri u Pilatus Bank

Ebda kumment mill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar jekk ivverifikax jekk iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri għandux kont f’Pilatus Bank. Netnews.com.mt ipprova jistaqsi lil Muscat wara li ħareġ mill-Qorti hekk kif hu u martu Michelle Muscat għamlu ftit iktar minn siegħa quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi l-inkjesta dwar Muscatgate. Kulma qal biss hu li huma ġew biex iwieġbu għall-mistoqsijiet u li qalu l-verita’ kollha. Anki waqt id-dibattitu f’Xarabank mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, Muscat naqas milli jwieġeb jekk jafx jekk Keith Schembri għandux kont ma’ Pilatus Bank li jinsab f’Ta’ Xbiex.

Iktar tard, daħal ukoll fil-Qorti, il-Ministru Konrad Mizzi, li iktar minn sena ilu nqabad li kellu kumpanija sigrieta fil-Panama bl-isem ta’ Hearnville.

Ilbieraħ filgħaxija, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ħarġet provi ġodda, dikjarazzjonijiet ta’ ishma fil-kumpanija Egrant li qed jinżammu f’isem Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru.

Sadanittant, ġemgħa ta’ partitarji Laburisti waslu quddiem il-Qorti li nfexxew f’għajjat u ċapċip malli raw lil Muscat ħiereġ mill-Qorti flimkien ma’ martu.