Futbol Sport

Naxxar jirritornaw fil-Premier

NAXXAR L………………… 2
SIRENS………………………. 1

B’gowls fit-tieni taqsima Naxxar Lions kisbu r-rebħa li kellhom bżonn kontra Sirens biex għamlu ritorn immedjat fil-Premier wara staġun wieħed biss fl-Ewwel Diviżjoni.

Naxxar b’hekk żammew l-ewwel post flimkien ma’ Lija u meta jonqos 90 minuta għal tmiem il-kampjonat għad irid ikun deċiż min se jirbaħ il-kampjonat.

Il-bieraħ ma kinitx l-aħjar wirja ta’ Naxxar f’dan l-oistaġun, iżda għalihom kien importanti l-kisba tal-punti u dan irnexxielhom jagħmluh biex laħqu l-mira tagħhom li jkunu promossi għall-premier.
Bidu bilanċjat minkejja li kif kien mistenni Naxxar kellhom xi ftit iktar inizjattiva. Kienu Sirens bl-ewwel periklu bix-xutt fil-baxx ta’ Ryan Sciberras salvat minn Omar Borg. L-ewwel tentattiv ta’ Naxxar jasal fil-15-il minuta b’xutt mill-bogħod ta’ Lubos Adamec jgħaddi ftit barra.

Fis-26 minuta Naxxar mill-ġdid perikolużi meta minn freekick ta’ Mark Fenech kien Yuri Messias li minn qagħda ferm angolata impenja lil Sean Cini. Ftit wara inizjattiva ta’ Mark Fenech fuq il-lemin u xutt li jgħaddi ftit għoli.

Sitt minuti mill-intervall azzjoni tajba fuq ix-xellug ta’ Duane Bonnic u kross lejn Messias li x-xutt bid-dawra tiegħu kien imblukkat minn Cini.
Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima minn kross ta’ Iro Curmi kien hemm id-daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Daniel Sant li kienet salvata minn Omar Borg. Mas-siegħa logħob azzjoni tajba fuq il-lemin u xutt tas-sostitut Joel Ellul tgħaddi ftit għoli.

Tliet minuti wara Gabrieli waqqa’ lil Messias f’azzjoni li fiha deher li l-ballun kien sejjer barra, u mill-11-il metru kien YURI MESSIAS li skorja b’xutt fil-baxx.

Fis-70 minuta azzjoni oħra ta’ Naxxar bix-xutt ta’ Messias imur ftit għoli. Kwarta mit-tmiem Naxxar serrħu rashom mill-promozzjoni meta minn kross ta’ Jurgen Debono kien hemm id-daqqa ta’ ras ta’ LUBOS ADAMEC bil-ballun jispiċċa fix-xibka.

Fit-80 minuta minn korner ta’ Iro Curmi kien hemm id-daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ LEONARDO GABRIELI li daħħal lil Sirens mill-ġdid fil-logħba.