MALTA………………..39
IŻRAEL………………..17
It-tim nazzjonali Malti kiseb it-tielet rebħa minn tliet logħbiet fir-Rugby Europe Conference 1 South, b’rebħa meritata ta’ 39-17 fuq l-Iżrael, biex b’din ir-rebħa, it-tim ta’ Damian Neill tela’ fl-ewwel post b’ċans tajjeb li jirbaħ il-grupp jekk jegħleb lill-Kroazja l-ġimgħa d-dieħla.
Il-wirja tal-plejers Maltin kienet pożittiva. Huma kellhom bidu tajjeb li bih setgħu jamministraw il-logħba, tant li qatt ma kienu minn taħt.
Fit-tieni taqsima, kien hemm reazzjoni mill-Iżrael li tefgħet lit-tim Malti fi ftit periklu, iżda d-determinazzjoni tal-plejers Maltin wasslet għal try, biex minn hemm setgħu jikkontrollaw il-logħba, b’James Morris jispikka b’diversi penalties u conversions skorjati.
Bidu tajjeb mit-tim Malti li mar fuq l-attakk mill-minuti inizjali u fetaħ l-iskor fis-sitt minuta permezz ta’ penalty minn pożizzjoni favorevoli ta’ James Morris. Iżda l-Iżrael wettqu reazzjoni u minuta wara għamlu l-iskor indaqs, hekk kif wara ruck ħażina, huma ngħataw penalty li minnu skorjaw.
It-tim Malti għamel l-ewwel try tiegħu tal-logħba fid-disa’ minuta, bi try opportunist ta’ James Kirk minn mal-lemin, iżda l-conversion ta’ James Morris għadda ftit barra, biex it-tim Malti mar 8-3 minn fuq. L-iskor kompla jikber fis-16-il minuta bit-tieni try tal-logħba għall-Maltin, din id-darba minn tarf il-linja xellugija, b’Daniel Apsee jgħaddi tajjeb. Għat-tieni darba, il-conversion ma sarx.
L-Iżrael reġgħu daħlu fil-logħba fit-23 minuta, meta d-difiża Maltija nqabdet fuq sieq waħda, b’Radashkovich jieħu vantaġġ u b’azzjoni personali għamel l-ewwel try tal-partita għat-tim tiegħu.
Mill-conversion, kien Abutbul li b’konklużjoni tajjeb għamel l-iskor 13-10. Id-distakk reġa’ kiber favur it-tim Malti fid-29 minuta, b’penalty minn madwar nofs il-grawnd, b’James Morris jagħmel l-iskor 16-10. L-istess James Morris reġa’ skorja minn penalty qabel tmiem l-ewwel taqsima, biex it-tim Malti daħal jistrieħ 19-10.
Iżrael bdew it-tieni taqsima tajjeb u wara tliet minuti, l-Iżrael irnexxielhom jagħmlu try u conversion importanti li minnu, naqsu d-distakk għal żewġ punti biss.
Dan wassal għal ftit mumenti ta’ inċertezza fil-logħba, iżda fit-58 minuta kien Dominic Busuttil li b’determinazzjoni għamel try f’mument delikat tal-logħba, biex bil-conversion ta’ James Morris, il-vantaġġ reġa’ kiber għal disa’ punti bi skor ta’ 26-17. Żewġ minuti wara, il-vantaġġ tal-Maltin kiber għal 12-il punt, wara penalty ieħor ta’ James Morris.
Wara fażi fejn il-logħob żvolġa f’nofs il-grawnd, it-tim ta’ Damian Neill issiġilla r-rebħa bi try ta’ Harvey wara azzjoni twila tal-Maltin.
It-tim Malti kellu l-għażla li jitfa’ l-ballun barra, iżda d-determinazzjoni tagħhom waslet għal try ieħor fis-86 minuta b’Christian Dudman jagħmel l-aħħar try tal-logħba għal skor finali ta’ 39-17.
Formazzjoni inizjali taż-żewġ timijiet
Malta: D. Holliday, H. Collins, A. Harvey, D. Deguara, C. Clayton, L. Watts, D. Apsee, M. Davey, T. Holloway, T. Quarendon, R. O’Brien, D. Busuttil, R. Holloway, J. Kirk, J. Morris
Iżrael: N. Amos, T. Bracha, M. Brosh, U. Manjavidze, T. Burden, G. Matisis, O. Abutbul, G. Goldstein, V. Pryimak, E. Humphreys, Y. Zindani, L. Gikashvili, A. Kakoun, J. Radashkovich, A. Rainstein
Referee: Pierre Brousset (Franza)