Internazzjonali

Theddid nukleari ‘bla bażi’ mill-Korea ta’ Fuq

Is-Segretarju tad-Difiża Amerikan, James Mattis, qal li l-aħħar theddid dwar attakk nuklear mill-Korea ta’ Fuq kontra l-Istati Uniti huma kollha kliem bla bażi u sustanza.

Filwaqt li sostna li l-istqarrijiet minn  Pyongyang kienu ‘provokattivi’, Mattis – li kien qed jitkellem f’Iżrael — spjega li din ma kenitx l-ewwel darba li r-reġim Korean komunista uża retorika taħraq simili  ‘u fejn ma wasal qatt għall-azzjoni’.

L-Istati Uniti, jiem ilu, qalet li kienet qed tikkunsidra li ‘tqiegħed lura mill-ġdid’ lill-Korea ta’ Fuq fuq il-lista tal-pajjiżi li jisponsorjaw it-terroriżmu. Dan bl-iskop li r-reġim tal-Mexxej komunista, Kim Jong-un, ikun persważ li jidħol f’kuntatti mal-Istati Uniti biex jevitaw kriżi li qed tidher dejjem aktar allarmanti.

Sadanittant, il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Mike Pence, qal, illum, li l-kriżi Koreana tista’ tkun riżolta bil-mezzi paċifiċi minħabba l-kuntatti ġodda bejn Washington u ċ-Ċina u minkejja rapporti li l-Korea komunista tista’ twettaq dalwaqt prova ġdida nukleari.

L-Amerikani jemmnu li filwaqt li l-alleati fir-reġjun u ċ-Ċina jkunu qed iwettqu l-pressjoni fuq Pyongyang, teżisti opportunità għal tragward storiku – f’dan il-każ konferma ta’ peniżola Koreana ħielsa min-nukleari, grazzi għal ‘politika ta’ paċi’.