#muscatgate Lokali

Allarm mill-MEA dwar il-kriżi nazzjonali

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) fi stqarrija qalet li hi allarmata dwar ir-rapport estensivi li qed joħorġu fil-media u jakkumulaw li qegħdin itappnu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru rispettat fl-Unjoni Ewropea għas-servizzi finanzjarji. L-MEA qalet li ma kienx hemm reazzjoni serja u kredibbli għal din is-sitwazzjoni min-naħa tal-Gvern u tad-diversi istituzzjonijiet tiegħu.

Dan hu ta’ tħassib kbir u kundanabbli minħabba li fin-nofs hemm il-ħajja tas-settur finanzjarju li hu kritiku u li jipprovdi aktar minn 12,000 impjieg diċenti, u dan hu settur li nbena bi tbatija kbira u li ssaħħaħ matul is-snin u li fuqu jiddependu setturi oħra tal-ekonomija għat-tkabbir sostenibbli.

Dak li jidher li qed iseħħ b’mod negattiv, bla ma jittieħdu l-ebda passi issa qed jhedded il-kredibbiltà ta’ Malta bħala stat demokratiku vijabbli u pajjiż membru tal-UE li hu kapaċi jattira investiment barrani minn sorsi diċenti.

L-inkompetenza ma tinħafirx tal-Kummissarju tal-Pulizija li jew minħabba injoranza jew apposta, għażel li jħares lejn in-naħa l-oħra meta kien hemm provi ċari ta’ prattiċi suspettużi, bla dubju tagħmel ħsara lill-kredibbiltà tas-sistema ġudizzjarja tagħna.

L-MEA kompliet li aktar serju hu n-nuqqas tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta biex tinvestiga in-negozju dubjuż ta’ Pilatus Bank. Dan ikollu periklu li jkun interpretat li s-settur tas-servizzi finanzjarji minn wieħed li hu bbażat fuq il-fiduċja u r-reputazzjoni, għal wieħed li jopera biex iservi l-interessi ta’ dawk li jagħmlu ħasil ta’ flus u negozju llegali.

Hu sew magħruf li dan l-imgħoddi riċenti, Malta kellha proċeduri stretti ta’ due diligence li kienu jeskludu kumpaniji bħal dawn milli jitwaqqfu anke meta jitolbu li jagħmlu dan. L-MEA qalet li l-preżenza ta’ kumpaniji dubjużi bħal dawn itappnu ir-reputazzjoni tal-pajjiż u tal-ħafna kumpaniji li joperaw f’dan is-settur li jagħmlu n-negozju tagħhom b’mod responsabbli u etiku.

Bħala msieħba soċjali responsabbli, l-MEA qalet li tħossha fi dmir li tieħu pożizzjoni u ssemma t-tħassib tagħha meta ffaċċjata b’din il-kriżi nazzjonali.