Basketball Sport

BUPA Luxol Champions għat-13-il darba

Il-plejers ta' Luxol jiċċelebraw ir-rebħ tat-13-il kampjonat fl-istorja tagħhom

BUPA LUXOL………………………..84
FLORIANA MCP CAR PARKS…….71
(25-12, 22-16, 23-18, 14-25)

Luxol: C.J. Cordina (3), M. Merceica (3), D. Meli, J. Maistre Mellilo, J.P. Schembri (17), K. Dimech (10), W. Alhberg (3), P. Crumpstone (23), S. Deguara (25), S. Capello
Floriana: C. Patus (13), D. Schembri (25), S. Borg (11), D. Agius, N. Vasovic (6), C. Calleja, A. Axiaq (10), A. Micallef Trigona (2), N. Andrejevic (4)
Referees: G. Barbara, E. Mangani,I. Simic

BUPA Luxol huma ċ-Champions tal-Basketball lokali għat-13-il darba, wara li għelbu lil Floriana MCP Car Parks 84-71 biex kisbu t-tielet suċċess minn tlieta, fil-finali tal-play-off li tintlagħab l-aqwa fuq ħames logħbiet.

Luxol iddominaw għal tliet kwarti tal-logħba, iżda Floriana resqu viċin bl-aħħar sforzi, liema sforz kien inutli minħabba li d-distakk kien kbir wisq. Meta Samuel Deguara spiċċa barra bil-ħames fawl, kien l-Amerikan Pierce Crumpstone li beda jagħmel il-punti għal Luxol biex żamm id-distakk. Alhberg ħadem fid-difiża, iżda kellu logħba kwieta fil-konklużjonijiet. Il-barrani ta’ Floriana Chad Patus ma żammx il-wirjiet tal-ewwel żewġ logħbiet, u kienu l-punti ta’ Schembri li għenu lil Floriana.

B’Floriana jimmarkaw lil Samuel Deguara b’żewġ plejers, Luxol kienu kostretti jdawru l-ballun u bdew jinfdu lid-difiża avversarja bil-konklużjonijiet mill-bogħod. Luxol kienu 13-5 minn fuq wara ħames minuti biex kabbru d-distakk għal 13-il punt sa tmiem is-sessjoni.

Ir-ritmu tal-logħba baqa’ l-istess fit-tieni sessjoni, biex sa nofs it-tieni sessjoni, id-distakk kiber għal 22 punt. Floriana tjiebu u ħadu vantaġġ mill-fatt li Luxol bidlu żewġ plejers, biex qasmu l-logħob sa tmiem is-sessjoni, b’Luxol jidħlu jistrieħu 41-28 minn fuq.

Wara l-mistrieħ, il-logħob kien aktar bilanċjat, b’Luxol jikkontrollaw il-vantaġġ tagħhom, biex bdew l-aħħar għaxar minuti 70-46 minn fuq. Minħabba li kellu erba’ fawls, Luxol bdew l-aħħar sessjoni mingħajr Samuel Deguara, Floriana speċjalment b’Schembri, ħadu vantaġġ u bdew jersqu lejn l-avversarji, u sa tliet minuti mit-tmiem, kienu tmien punti bogħod.

Id-dħul ta’ Deguara dam ftit wisq meta reġa’ kkommetta fawl fl-attakk, b’Chad Patus iressaq lil Floriana viċin. Iżda l-baskets ta’ Crumpstone għenu lil Luxol jikkontrollaw il-vantaġġ sat-tmiem.